Fl-Itajla, f’temp ta’ xahar, il-prezz tal-gass żdied bi kważi ħamsa fil-mija matul Settembru. Skont il-midja Taljana din il-miżura se tolqot għaxar miljun persuna.
Ġie rrapportat li familja tipika Taljana, fi żmien sena, se tkun qed tonfoq mal-elf, erba’ mija u sittin ewro (€1,459) fi spejjeż tal-gass biss.
Din iż-żieda qed tkompli tgħakkes lill-familji Taljani, hekk kif din tingħaqad mal-piż tal-prezzijiet tal-elettriku. Hu stmat li familja medja trid tħallas aktar minn elfejn ewro f’kontijiet tal-gass u elettriku biss.
Dan ifisser li f’sena kien hemm żieda ta’ aktar minn mija u tmenin ewro f’tariffi għal kull familja għall-istess konsum.
Esperti f’dan il-qasam sostnew li din iż-żieda f’Settembru hi inkwetanti, hekk kif għadna lanqas dħalna għax-xhur xitwin, meta l-aktar jiġu kkonsmat elettriku u gass.
Din iż-żieda tingħaqad maż-żieda fil-prezzijiet tal-fuel li kien hemm f’dan il-pajjiż, li wkoll ddominaw l-aħbarijiet fl-aħħar xhur.
Fost l-oħrajn, il-prezzijiet tal-fuel huma ferm ogħla minn dawk ta’ pajjiżna. Dan hekk kif, b’differenza għal dak li qed jiġri l-Italja, Malta għandha prezzijiet stabbli tal-enerġija, il-fuel u gass, grazzi għad-deċiżjoni għaqlija tal-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li mill-bidu tal-Gwerra fl-Ukrajna ssussidja tali prezzijiet.