Aktar pajjiżi ħabbru li qed iwaqqfu l-finanzjament lill-ikbar aġenzija tal-Ġnus Magħquda f’Gaza, hekk kif il-kriżi kompliet tikber wara l-allegat irwol ta’ ċertu ħaddiema fl-attakki tal-Hamas fuq Iżrael fis-sebgħa ta’ Ottubru.
Il-Ġappun u l-Awstrija qalu li se jissospendu l-ħlasijiet lejn l-Aġenzija għar-refuġjati Palestinjani tal-Ġnus Magħquda, il-UNRWA.
L-Istati Uniti tal-Amerka, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Italja, ukoll ħabbru li waqqfu l-għajnuna finanzjarja tagħhom fl-aħħar jiem.
Din l-aġenzija qalet lill-BBC li tinsab iddisprata hekk kif il-bżonnijiet umanitarji f’Gaza qed jiżdiedu ma’ kull siegħa li tgħaddi.
L-imsemmija aġenzija keċċiet diversi ħaddiema, wara allegazzjonijiet li kienu nvoluti fl-attakk tas-sebgħa t’Ottubru, meta rġiel armati f’isem il-Hamas attakkaw lil Iżrael, u qatlu aktar minn elf u tliet mitt ruħ.
Minn dakinhar tilfu ħajjithom aktar minn sitta u għoxrin elf persuna, il-maġġoranza nisa u tfal, li nqatlu f’Gaza minn meta Iżrael beda bl-operazzjoni militari bħala rispons għall-ewwel attakk.