Il-gamblu tal-ilma ħelu invada numru ta’ widien fosthom Wied il-Baħrija fir-Rabat, Wied Għajn Żejtuna fil-Mellieħa u Wied l-Isperanza fil-Mosta.
B’investiment ta’ għoxrin elf ewro minn Parks Malta, u b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ġew installati numru ta’ nasses sabiex isir studju fuq dan l-ispeċi invasiv.
L-uffiċjal għall-immaniġjar tal-Widien Alexander Borg Galea tkellem dwar kif din ir-riċerka għanda l-għan li tiddentifika l-impatt ambjentali li qed iħalli l-gamblu tal-ilma ħelu.
“Dan l-istudju se jgħina iktar biex nkunu nafu dan il-crayfish x’qed jiekol u x’qed jimpatta lill-ambjent u jtina iktar informazzjoni anke biex nkunu nafu kif qed naqbduh”
Ir-Riċerkatur fl-Università ta’ Malta, il-Professur Alan Deidun tkellem dwar kif dawn l-ispeċi ħafna drabi jiġu f’pajjiżna minn ibħra barranin.
“Dawn il-popolazzjoni tagħhom tisplodi, jirriproduċu b’mod mgħaġġel ħafna, rapidu ħafna, pero ftit ftit jibdew jaqilgħu l-barra l-ispeċi indiġeni anke billi jikluhom.”
Il-Konsulent Xjentifiku Arnold Sciberras tkellem dwar l-iżvilupp tan-nassa sabiex din ma tagħmilx ħsara lill-ispeċi indiġeni ta’ Malta.
“Pruvajna niffukaw it-tip ta’ trappola u l-post fejn se npoġġuha u t-tip ta’ lixka li se nagħmlu addattata biex jekk jista jkun nattiraw il-crayfish biss.”
Preżenti ukoll fir-Rabat kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli li saħqet fuq il-protezzjoni tal-ekosistemi fil-widien biex dawn jitgawdew mill-Maltin u t-turisti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia qal li jeħtieġ nissalvagwardjaw l-ispeċi endemiċi u dawk protetti li nsibu fil-pajsaġġ Malti.
Qal li l-ġenerazzjonijiet futuri għandhom dritt igawdu l-flora u l-fawna ta’ pajjiżna.