B’reazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-White Paper dwar ir-riforma tal-kannabis ippubblikata llum mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Forum Żgħażagħ Laburisti nnota u laqa’ l-impenn tal-Gvern biex jirriforma dan l-aspett bil-għan li jitnaqqsu l-inġustizzji soċjali.
Il-FŻL stqarr li l-idea tal-implimentazzjoni tal-fażi li jmiss ta’ dekriminalizzazzjoni hi żvilupp importanti.
F’dan ir-rigward, il-FŻL qal li hu diġà impenja ruħu f’Settembru li għadda biex jiddiskuti u jistudja dan is-suġġett. Liema proposti l-FŻL qal li se jitħabbru fiż-żmien li ġej.
Il-FŻL innota li l-Prim Ministru għamel aċċenn għal diversi punti li tressqu ’l quddiem fil-Laqgħa Ġenerali Annwali f’Settembru li għadda; fost dawn, l-effett pożittiv tal-proċess leġiżlattiv li ddekriminalizza d-droga kannabis, il-fatt li individwi li jagħmlu użu mill-kannabis ma jeħtiġux il-kundanna tas-soċjetà bħala kriminali – liema kundanna tista’ twassal għall-emarġinazzjoni u esklużjoni soċjali, u l-qerda tat-traffikar u s-suq l-iswed – li ħafna drabi jsostnu l-kriminalità u ma jipprovdux prodott sigur lill-utenti.
Il-FŻL qal li l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika se joffri spazju lil kull min hu interessat fis-suġġett biex jesprimi ruħu; Tenna li l-Forum se jkun qed jissottometti s-suġġerimenti permezz tal-proposti ppubblikati.
Fl-aħħar nett il-FŻL temm jgħid: “Imqanqla mill-fatt li l-liġi tagħna għandha tkun aktar ġusta ma’ dawk li jagħmlu użu personali b’mod responsabbli tal-kannabis.” Il-FŻL sostna li mhix l-intenzjoni tagħna li permezz ta’ din id-diskussjoni inħajru individwi jagħmlu użu mill-kannabis. L-impenn li jiġi diskuss dan is-suġġett hu xhieda tal-ħidma tal-FŻL li jagħti spazju biex iż-żgħażagħ ikomplu jgħinu fil-ħolqien ta’ soċjetà ġusta, ġustizzja soċjali u jkunu katalisti tal-bidla.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/03/30/il-pm-jipproponi-bidliet-ghall-uzu-responsabbli-tal-kannabis/