Waqt li kienet qed tindirizza t-tieni sessjoni tal-14-il laqgħa tal-Presidenti mhux eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea tal-Grupp Arrraiolos, intitolata ‘The Future of Europe’, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li “għandna bżonn Ewropa li tkun proattiva; li tirrelata mal-isfidi li ċ-ċittadini tagħha jkollhom ta’ kuljum; li tifhem l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini; li tilħaq minn tarf sa tarf; Ewropa mingħajr fruntieri u ħitan, li tkun pont bejn pajjiż u ieħor; Ewropa magħquda li tkun minn ta’ quddiem fid-dinja, li mhux biss turi t-tħassib tagħha, iżda taġixxi fuq dak kollu li qed jiġri fi ħdanha u madwarha.”
Il-President Coleiro Preca stqarret li l-faqar għadu ta’ tħassib kbir, hekk kif aktar minn 100 miljun persuna fl-Ewropa tgħix fil-faqar. Għadhom jeżistu differenzi kbar bejn is-sessi fejn, per eżempju, in-nisa fit-tmexxija “kemm dik politika, u dik ekonomika, għadhom lura b’mod drastiku.” Hija qalet li d-differenza fil-pagi tan-nisa u l-irġiel ta’ 16.2%, hija wkoll riflessjoni ta’ inugwaljanza tal-ġeneru.“Is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali għandhom ikunu l-pilastri fundamentali ewlenin tal-politika tagħna”, tenniet il-President Coleiro Preca, filwaqt li ġibdet l-attenzjoni dwar inugwaljanzi bħal ma hi d-digital divide, fejn indikaturi riċenti qed juruna li “50% tal-Ewropej huma offline, b’differenza ġeografika ċara bejn il-pajjiżi tat-trammuntana u dawk tan-nofsinhar.”
Il-President qalet li din il-bidla ambjentali hija kruċjali sabiex jiġu kkonservati r-riżorsi naturali u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Hi qalet li jrid jiġi assigurat li jkun hemm bidla ambjentali ġusta, liema bidla tirrikjedi regolazzjoni politika flimkien ma’ investiment fit-taħriġ u t-tagħlim, filwaqt li żiedet li jrid jiġi assigurat ukoll aċċess ekwu għall-benefiċċji li jġibu magħhom il-green economy u l-policies.
“Jeħtieġ li fil-proċess ta’ dan kollu niżguraw li ma’ noħolqux qasma oħra – l-hekk imsejħa green divide. Il-policies tagħna għandhom ikunu msejsa fuq konsum responsabbli, b’enfasi partikolari fuq it-tnaqqis tal-konsum”, qalet il-President.
“L-Ewropa għandha terġa’ tkun minn ta’ quddiem fi sfond globali.” Din, qalet il-President, hija ħolma tagħha, filwaqt li appellat sabiex l-Ewropa tbiddel l-approċċ tagħha vis-à-vis l-Afrika. Hija qalet li “aġixxejna b’pass kajman, u b’azzjonijiet frammentati.”
Il-President qalet li l-Afrika huwa kontinent ta’ opportunitajiet, kontinent li jista’ jkun is-sors tat-tkabbir ekonomiku għall-Ewropa, u “opportunità ta’ sħubijiet u investimenti sostenibbli, fejn iż-żgħażagħ Afrikani jista’ jkollhom garanzija ta’ futur dinjituż.”
Fl-aħħarnett, il-President Coleiro Preca, anke fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari Ewropej li ġejjin, appellat lill-Presidenti preżenti biex jaġixxu malajr kemm jista’ jkun sabiex ikun żgurat li “dan il-futur li tant noħolmu dwaru ma jkunx mfixkel minn ideali popolisti fil-valuri Ewropej tagħna.” Il-President reġgħet tenniet li “magħqudin, kapaċi niksbu suċċessi.”
Il-President Coleiro Preca indirizzat ukoll konferenza tal-aħbarijiet, flimkien mal-Presidenti tal-Latvija, tal-Greċja u tal-Portugal, fit-tmiem tal-laqgħa tal-Grupp Arraiolos.
Ritratt: OPR