Il-patt il-ġdid dwar l-immigrazzjoni għandu jkompli jiġi diskuss, u ċ-ċittadini minn kull qasam tal-ħajja għandu jkollhom iċ-ċans isemmgħu leħinhom u jipparteċipaw f’dawn id-diskussjonijiet.
Dan kien kliem il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela waqt konferenza dwar il-futur tal-Ewropa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Hawn il-Ministru Abela qal li l-futur mhuwiex sempliċiment xi ħaġa li nidħlu fih, imma li noħolquh. Malta se tara li nies, li sa issa ma kellhomx l-opportunità li jikkontribwixxu, se jkunu qed jagħmlu dan fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin, inklużi aktar nisa u l-ġenerazzjoni ikbar fl-età u dan jista’ jseħħ permezz ta’ pjattaforma diġitali li tgħin lin-nies isemmgħu leħinhom.
“Jeżisti wkoll pjattaforma diġitali fejn b’mod diġitali appuntu dak li jkun jista’ jidħol u mill-kwiet ta’ darhu jista’ jikteb x’inhuma l-ħsibijiet tiegħu jew tagħha. U aħna nħeġġu li dan isir ħalli b’hekk kull ċittadin Malti u Maltija jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom. ”
Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Laburista Jean-Claude Micallef, li tkellem dwar kif minkejja d-differenzi fil-kulturi, età u ġeneru hemm viżjoni li tgħaqqadna.