It-triq ‘il quddiem għas-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi Ewropej se tkun diskussa fit-tieni ġimgħa ta’ Mejju, f’ Malta meta pajjiżna se jospita l-ikbar konferenza dwar l-eHealth fl-Ewropa din is-sena.
B’ parteċipazzjoni ta’ elfejn persuna minn madwar l-Ewropa mill-qasam mediku, is-seba’ edizzjoni ta’ eHealth week mistennija tkun l-ikbar waħda minn kemm ilhom isiru. Meta nieda dan l-avveniment, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr li pajjiżna qed jiżviluppa strategija nazzjonali għas-saħħa diġitali ta’ ħames snin, li fil-ġimgħat li ġejjin se tinfetaħ għal konsultazzjoni pubblika.
Fearne irrimarka kif fi żmien sena, huma iktar minn 21,000 tabib u pazjent li bdew jużaw is-sistema ta’ myhealth – juri li l-qalba għas-sistema diġitali f’ pajjiżna qed tintlaqa’ b’suċċess.
Il-konferenza se tittella’ b’kollaborazzjoni mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Uffiċju Reġjonali tal-Organizazzjoni Dinjija tas-saħħa u l-HIMSS.
Ilkoll organizazzjonijiet li saħqu li pajjiżna qed jagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi tekonoliġiċi limitati li għandna biex is-sistema tas-saħħa nazzjonali ssir waħda diġitali.
Huma aċċennaw dwar l-importanza ta’ koperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex bir-riżorsi ta’ kulħadd, tavvanza r-riċerka, tingħata kura iktar ippersonalizzata lill-pażjent u fl-istess waqt ikunu identifikati l-aħjar regoli għas-sigurta tad-dettalji tal-pazjent.
Din il-konferenza se sservi propju biex jinstabu t-tweġibiet għal dawn l-isfidi.