Aktar tard mal-jum mistenni joħroġ l-eżitu tar-rapport li qed isir b’rabta mal-festin li sar mill-ħaddiema fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson meta l-pajjiż kien fl-lockdown.
Dan ir-rapport mhux mistenni joħroġ qabel ma’ Johnson se jkun qed iwieġeb għall-mistqosijiet Parlamentari għal ħabta tas-siegħa ta’ wara nofsinhar (ħin lokali).
Il-Prim Ministru Ingliż talab skuża talli kien attenda għal dan il-festin, li sar f’Mejju ta’ sentejn ilu. Huwa kien qal li ħaseb li kien avveniment relatat max-xogħol.
Intant, b’reazzjoni għal dan, xi membri Parlamentari mill-partit tiegħu stess talbu r-riżenja ta’ Johnson minnufih; filwaqt li xi ministri kienu qalu li qed jistennew il-publikazzjoni tar-rapport qabel jiddeċiedu.
Fil-fatt, l-eżitu tar-rapport jista’ jwassal għal vot ta’ sfiduċja f’Johnson, bil-possibbilità li tqanqal elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv Ingliż.