L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA issospendiet l-istaġun lokali tal-futbol u l-futsal b’mod indefinit. L-MFA ħabbret dan il-midja soċjali t-Tnejn filgħaxija, u spjegat li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Malta FA Bureau wara laqgħa twila dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-imxija tal-Covid-19.
Dwar dan, ONE News tkellem mal-President tal-MFA Bjorn Vassallo.
“Awtomatikament allura kellna nissospendu dak li huwa l-futbol, il-futsal, id-dixxiplini li jaqgħu taħt il-Malta Football Association b’mod indefinit sakemm ovjament l-awtoritajiet jtuna awtoriżżazzjoni jekk Alla jrid li jekk l-imxija tal-virus ittaffi nkunu nistgħu nkomplu u allura hemmek inkunu nistgħu noħorġu direttivi differenti minn dik li ħriġna lbieraħ.”
Hawnhekk Vassallo zied jirringrazzja lill-Gvern wara li l-għajnuniet li ġew imħabbra l-ġimgħa li għaddiet b’rabta mal-Coronavirus ġew estiżi għas-settur sportiv ukoll.
Qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi nstemgħet ukoll il-karba tal-assoċjazzjonijiet sportivi, li ħarġu ċirkulari għall-klabbs kollha biex ikunu jistgħu japplikaw għal dawn il-benefiċċji.
“Aħna bħala futbol bħala Assoċċjazzjoni ħa nkunu qed nieħdu r-riedni f’idejna biex il-klabbs individwalment ikunu jistgħu japplikaw, biex nispjegawlhom dak li huwa l-proċess.”
Fi stqarrija l-Assoċċjazzjoni tal-Isport Akwatiku f’Malta wkoll irringrazzjat lill-Gvern, li permezz ta’ dawn il-miżuri qed jgħin sabiex ittaffi d-daqqa li qed tħalli din il-pandemija fuq l-isport f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima laqa’ r-dawn ir-eazzjonijiet pożittivi u qal li din l-għajnuna se tgħin l-isport jerġa’ jqum fuq saqajh eventwalment.
“Skemi li qegħdin hemmek biex jagħtu nifs lil dan is-settur. Settur li jien persważ li malli jgħaddu dawn l-isfidi kollha ħa nkomplu narawh jikber kif għamel fl-aħħar snin.”