Fil-parroċċa tal-Furjana qed jiġi ċċelebrat il-150 anniversarju minn meta nibdet id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, magħrufa wkoll bħala s-Sacro Cuor, fejn ukoll twaqqfet l-ewwel fratellanza taħt dan l-isem.
Id-devozzjoni sussegwentement mxiet mill-Furjana lejn inħawi oħrajn f’pajjiżna.
Is-Sindku tal-Furjana, Nigel Holland, qal lil ONE News li din id-devozzjoni fil-verità nibtet fil-lokalità li jmexxi, anke jekk meta wieħed isemmi s-Sacro Cuor, awtomatikament jiġih f’moħħu Tas-Sliema u l-qima li tingħata fil-parroċċa ddedikata lilha, taħt tmexxija tal-Patrijiet Fraġiskani.
Kien wara li d-devozzjoni nxterdet lejn l-Isla, Ħaż-Żabbar, u eventwallment f’Tas-Sliema fejn laħqet il-milja tagħha.
Is-Sindku tenna li “ovvjament din is-sena qed infakkru l-bidu tad-devozzjoni f’Malta għax gazzetta tal-epoka, bl-isem ‘Fede d’Azione’, tirrakkonta b’dettal li din il-kwindiċina li kienet saret f’din il-Knisja f’Settembru tal-1874, fuq inizjattiva ta’ qassis Furjaniż, Dun Emmanuele Grech, li daħħal id-devozzjoni f’Malta, li mbagħad inxterdet mal-bqija tal-gżejjer Maltin.”
Biex jitfakkar dan l-avveniment storiku, fil-Knisja Arċipretali u Parrokkjali ta’ San Publju sar programm ta’ funzjonijiet li jilħaq il-qofol tiegħu llejla b’pelleginaġġ mat-toroq tal-Furjana, akkumpanjat mill-banda tas-Socjetà Filarmonika Vilhena li se ddoqq innijiet Marjani, liema pellegrinaġġ joħroġ fis-6:30pm.
Tkellimna wkoll mal-Arċipriet Fr Charles Cini, li semma kif, wara ġimgħa ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi, kollox jilħaq il-qofol fil-quddiesa kantata u wara l-pellegrinaġġ bil-vara tal-Madonna, liema statwa hi unika hekk kif warajha, kien mitlub li l-istatwi juru lill-Madonna bil-Bambin Ġesù fi ħdanha u mhux bil-wieqfa ħdejha.
Semma kif anke dawk li kienu mistednin jiċċelebraw il-quddiesat, għandhom rabta mad-devozzjoni tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’pajjiżna, b’mod speċjali dawk mill-parroċċa tas-Sacro Cuor u l-Isla.
Fr Cini tenna li “se jqaddes ukoll il-Kappillan preżenti tal-Parroċċa tas-Sacro Cuor ta’ Tas-Sliema, Patri Martin Coleiro, waqt li l-purċissjoni se titmexxa mill-Professur Jonathan Farrugia, li hu l-Kanonku tal-Isla, biex inżommu din ir-rabta ta’ din id-devozzjoni li għandna fil-parroċċi.”