Din is-sena, il-Kunsill Lokali tal-Furjana se jkun qiegħed ifakkar it-tliet mitt sena anniversarju mit-twaqqif tal-lokalità tal-Furjana.
Sabiex jikkommemoraw dan l-anniversarju, il-Kunsill Lokali tal-Furjana niehda programm ta’ attivitajiet li se jkunu qegħdin jittellgħu matul is-sena kollha. Fost l-attivitajiet li se jkunu qed isiru, se jkun hemm attivitajiet soċjali, edukattivi, u sportivi, kif ukoll inizjattivi u proġetti ġodda li se jkunu qegħdin jitgawdew mir-residenti Furjaniżi.
Is-Sindku tal-Furjana, Vincent Borg, qal meta dan il-programm ta’ attivitajiet se jkun qed jilħaq il-qofol tiegħu.
“Fid-9 ta’ Mejju huwa l-qofol meta nagħmlu l-anniversarju ta’ t-tliet mitt sena mit-twaqqif tal-Furjana meta il-Gran Mastru de Vilhena kien iffirma li jista’ jibda jsir bini u joqgħodu n-nies fis-subborg.”
Hu spjega wkoll li s-sotto-kumitat li twaqqaf għal din l-okkażjoni kellu għażla ta’ sitt sottomissjonijiet sabiex jintgħażel logo wieħed; u għal din l-okkażjoni ntgħażel il-logo ddisinjat minn Jake Muscat.
Il-President tar-Reġjun Port, Paul Farrugia, saħaq li din is-sena, sabiex il-kunsilli lokali jkomplu jsaħħu t-tradizzjonijet u l-kultura rikka li jswaru l-lokalitajiet ta’ madwar il-Port, il-kunsill reġjonali alloka finanzi oħra sabiex ikunu jistgħu jsiru aktar xogħlijiet u proġetti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Furjana għat-tnediha ta’ dan il-programm. Hi tenniet li programmi bħal dawn jgħinu fil-mod ta’ kif niċċelebraw l-istorja, il-kultura, u l-identità tal-komunità; u appellat li dawn iwasslu għal ċelebrazzjoni kollettiva u inklussiva.
“Dawn huma inizjattivi li jkomplu jagħmlu ġieħ lil-lokalitajiet tagħna; programm bħalma preżenta l-Kunsill Lokali tal-Floriana għall-komemmorazzjoni tat-tliet mitt sena anniversarju ta’ din il-lokalità qed ikompli jurina s-sabiħ u t-tajjeb li jħaddnu l-komunitajiet tagħna.”