Il-Kunsill Lokali tal-Furjana se jtella’ attività li biha jipprova jqarreb iktar in-nies mar-rikkezzi storiċi, kulturali u ambjentali fil-lokalità.
L-attività “Ġenna ta’ Ġonna” se ssir il-Ħadd li ġej. Il-Kunsill tal-Furjana qal li matul il-jum se jiftħu għall-pubbliku l-ġonna kollha fil-lokal, il-mużewijiet u diversi binjiet storiċi, li wħud minnhom mhux soltu li jkunu miftuħa għall-pubbliku.
Attrazzjonijiet oħrajn jinkludu manuskritti antiki u patrijiet ibbalzmati fil-Kunvent tal-Kappuċini u l-opportunità li titla’ fil-kampnar tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju.
Għal dan l-avveniment, il-Kunsill wera filmat li nġibed apposta mill-ajru u juri li apparti l-bini, il-Furjana hija mdawra bil-ġonna. Il-Kunsill qal li l-attività għandha sservi biex il-Maltin ma jaħsbux li l-Floriana m’hix biss Triq Sant Anna u il-Fosos.