In-nefqa tal-Gvern ras għal ras għas-servizz tas-saħħa f’pajjiżna se tkun ta’ madwar €1,210 matul is-sena d-dieħla.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, għall-mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
Din iċ-ċifra tfisser żieda sostanzjali ta’ ‘l fuq minn €400 fuq kull persuna mill-2012 ‘l hawn. Fil-fatt in-nefqa ras għal ras fil-qasam tas-saħħa fl-2012 kienet ta’ €787.
Mistoqsi jikkumenta fuq din iż-żieda sostanzjali, il-Ministru għas-Saħħa qal li l-baġit għas-Saħħa, kull sena taħt Gvern Laburista żied sostanzjalment. Dan wassal għall-investiment akbar f’appart mediku, żieda ta’ servizzi offrut kemm fl-isptarijiet u anke fil-qasam tal-kura primarja, żieda fir-riżorsa umana fosthom numru ta’ tobba u infermiera ġodda u anke żieda ta’ mediċini ġodda fil-formularju. “Dan kollu fl-aħħar mill-aħħar qed iwassal biex kull wieħed u waħda minnha jingħata servizz aħjar,” qal il-Ministru Chris Fearne.