Minn meta ġie mħabbar ir-reġistru tal-organi f’Diċembru tas-sena li għaddiet, kienu ’l fuq minn 3,000 persuna li diġà rreġistraw bħala donaturi tal-organi.
Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li dan kien possibbli grazzi anke tas-soċjetà ċivili li ngħaqdet mal-Gvern biex tkompli tkabbar in-numru ta’ donaturi reġistrati.
“Diversi kumpaniji għamlu u qed jagħmlu bħalkhom u jrawmu kuxjenza fost l-impjegati u l-klijenti tagħhom biex huma wkoll isiru donaturi,” qal il-Ministru Fearne waqt li żar l-Isptar Saint James Capua f’Tas-Sliema fejn fl-aħħar jiem saret attività b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa biex jinġabru aktar reġistrazzjonijiet.
“Id-donazzjonijiet tal-organi jirrapreżentaw rigal ta’ ħajja ġdida għal pazjenti li jirċievuhom, għaldaqstant Saint James Hospital Group qiegħed ukoll jingħaqad mal-Ministeru għas-Saħħa biex iħeġġeġ aktar nies isiru donaturi tal-organi reġistrati. Għaldaqstant inħeġġu mhux biss lill-ħaddiema u lill-klijenti tagħna, iżda lill-pubbliku inġenerali biex iżuru l-website jew jimlew il-formoli li jinsabu wkoll fl-isptarijiet Saint James,” qalet Maria Bugeja f’isem Saint James Hospital Group.
Intant fil-jiem li ġejjin kull dar f’Malta se tirċievi bil-posta l-formola tar-reġistrazzjoni biex isiru donaturi tal-organi.
Ir-reġistru għad-donaturi tal-organi ġie fis-seħħ wara li għaddiet il-liġi għad-Donazzjonijiet tal-Organi mill-Parlament ta’ Malta. Din il-liġi hija l-ewwel waħda tax-xorti tagħha f’pajjiżna u tirregola d-donazzjonijiet tal-organi.
Rittratt: MFH