L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) organizzat laqgħa ta’ informazzjoni importanti fejn kompliet tiddiskuti r-regolamenti tal-kostruzzjoni li għadhom kif ġew introdotti u r-reġistrazzjoni ta’ persuni kompetenti, fejn saħħet l-impenn tagħha biex ittejjeb is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa f’Malta.
Għal din il-laqgħa attendew ‘il fuq minn 200 espert tekniku f’dik li hija Saħħa u Sigurtà fuq ix-Xogħol. F’din il-laqgħa li żvolġiet f’waħda mill-aktar interattiva, l-ewwel minn sensiela ta’ diskussjonijiet li għandha ppjanati l-OHSA, laqqgħet flimkien esperti, akkademiċi, u prattikanti biex jesploraw il-qafas leġislattiv, l-implimentazzjoni prattika, u x-xejriet emerġenti fis-saħħa u s-sigurtà. L-approċċ olistiku pprovda lill-parteċipanti bl-għodod u l-għarfien meħtieġa biex itejbu l-istandards tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol filwaqt li indirizzaw l-isfidi ppreżentati mir-regolamenti l-ġodda.

F’kummenti li ta l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard, qal kif il-parteċipazzjoni b’saħħitha tal-professjonisti għal din il-laqgħa tixhed l-impenn mhux biss minn naħa tal-Gvern, jew tal-OHSA, imma tal-professjonisti nfushom. Qal li dan il-proċess riformattiv li għaddej minnu s-settur huwa intiż li jkompli jgħolli l-istandards fl-interess tal-ħaddiema u ta’ dawk kollha li jkunu fuq il-postijiet tax-xogħol, filwaqt li fakkar dwar l-investiment fuq livell wiesgħa fl-Awtorità u r-riżorsa umana anke bil-ftuħ tal-Hub tal-OHSA f’Għawdex.
Saħaq ukoll li bħala pajjiż rridu nimxu lejn soċjetà fejn kull persuna, fl-irwol li tokkupa, trid iġġorr ir-responsabbiltà li ġġib magħha dik il-kariga, fejn hu b’dan il-mod u l-ħsieb li fuqu nbnew ir-riformi leġiżlattivi biex jiġi regolarizzat dan il-qasam. Huwa għalhekk li se jkun assigurat li jibqgħu jiġu offruti l-għodod u l-qafas regolatorju meħtieġ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Josianne Cutajar, qalet li wasslu għal-liġijiet ġodda bi standards aktar għoljin ta’ saħħa u sigurtà permezz ta’ kollaborazzjoni u diskussjonijiet fejn anke jiltaqgħu mal-imsieħba kollha, speċjalment l-esperti nfushom, sabiex ilkoll flimkien jaraw li qed jiġu mifthema r-regolamenti u r-rwol li jġibu magħhom.
Il-parteċipanti involvew ruħhom f’diskussjonijiet dinamiċi, netwerking, u sessjonijiet ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, u kisbu għarfien dirett biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-regolamenti. Il-laqgħa enfasizzat il-miżuri proattivi tal-OHSA biex tkompli tgħolli l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, iżżid l-għarfien dwar l-infurzar, u tiċċara l-aspettattivi għall-osservanza.