Fi ftit tal-ġimgħat oħra ser jitlesta l-proġett tal-Pjazza tat-Tritoni jew kif kienet magħrufa għal snin twal Putirjal. Fil-fatt ritratt meħud mill-għoli juri l-ġmiel ta’ din il-Pjazza ġdida bil-Funtana tat-Tritoni tidher li reġgħet bdiet taħdem.
Il-proġett qed isir mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, GHRC, taħt il-Ministeru tat-Turiżmu, b’investiment ta’ madwar €8.5 miljun.
Dan il-proġett se jsebbaħ id-daħla tal-Belt Kapitali u partijiet mill-Furjana għal meta fi ftit tax-xhur oħra, il-Belt Valletta tingħata t-titlu prestiġġjuż, tal-belt Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.
Ix-xogħol ta’ pavimentar għaddej ukoll ġmielu. Fil-fatt fil-Pjazza tat-Tritoni jinsabu fi stadju avvanzat ix-xogħlijiet ta’ pavimentar, fejn bħalissa qed jitpoġġew il-madum mal-wesgħa kollha tal-pjazza fejn ser jinżergħu 52 siġra tal-ballut sabiex isebbħu l-pjazza.
Waqt ix-xogħol ta’ tħaffir, biex taħt il-pjazza issa ser ikun hemm madwar 20 ġibjun, instabu wkoll partijiet mill-fortifikazzjoni oriġinali tal-Belt u wara konsultazzjoni mas-Sovrantendenza tal-Wirt Storiku, ġie deċiż liema minnhom ser jitħallew esposti biex jitgawdew mill-pubbliku, u liema ser ikunu preservati.
Il-pjazza ser tkun ikkumplimentata mis-sbuħija assoluta tal-funtana tat-Tritoni li bis-saħħa ta’ xogħol estensiv ta’ restawr li kien fdat f’idejn il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura ġiet restawrata. Xogħol sostanzjali sar ukoll fuq is-sistema tal-ilma u d-dwal li ser ipoġġu lura din il-funtana fl-istat ta’ glorja li ilha nieqsa minnu għal għexieren ta’ snin li matulhom tħalliet fi stat ta’ telqa u abbandun totali minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Tajjeb li wieħed jirrimarka, li kieku ma kienx għall-insistenza tal-Gvern preżenti, kieku l-funtana tat-Tritoni ma kinitx tibqa’ f’postha, minħabba l-fatt li l-Perit tal-proġett tal-bini tal-Parlament Renzo Piano, xtaq jirriloka l-funtana tat-Tritoni f’żona oħra tal-Furjana.
Imma issa, b’dan il-proġett, dan il-wirt storiku ta’ funtana u pjazza, ser ikunu mill-ġdid punt ta’ riferiment għall-Maltin u għall-Għawdxin, kif ukoll għat-turisti li jiġu Malta.
Kumplimentari għall-pjazza kienet iż-żona magħrufa bħala l-Biskuttin li x-xogħol ta’ pavimentar u tisbiħ fuqu
tlesta u ż-żona diġà bdiet tintuża mill-pubbliku għalkemm fadal xi xogħolijiet ta’ dwal u tisbiħ li għad iridu jiġu konklużi.
Din ser tkun il-punt tal-wasla għat-trasport pubbliku u fil-fatt is-servizz se jkun qed iwaqqaf lill-passiġġieri biswit dak li huwa magħruf bħala l-Biskuttin filwaqt li t-tluq ser jibda jsir mill-venda kif inhu bħalissa.
Il-madum tal-art fil-Biskuttin, fih marki speċjali li juru d-direzzjoni għal persuni neqsin mid-dawl. Din l-inizjattiva saret mill-GHRC wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, sabiex ikun promoss is-sens ta’ indipendenza mill-persuni neqsin mid-dawl.
Iż-żona ngħatat dehra mill-isbaħ b’ xogħol ta’ tisbiħ. Twaħħlu numru ta’ siġar tal-palm u ballut li kienu nieqsa jew mejta, filwaqt li twaħħlu wkoll numru ta’ bankijiet fiż-żona.
Għall-pavimentar kollu li qed isir, qed tintuża l-ġebla tal-qawwi ta’ Għawdex, l-istess ġebla li intużat għall-proġett tal-Parlament u Bieb il-Belt. Dan għandu wkoll aspett ta’ promozzjoni ta’ prodott Malti u bil-ħsieb ikun li l-proġett ikun kontinwazzjoni.
Il-proġett beda billi ġew irranġati numru ta’ toroq sabiex titjieb l-infrastruttura u l-immaniġġjar tat-traffiku jkun aħjar. Ix-xogħlijiet jinkludu x-xogħol fi Triq l-Assedju l-Kbir sa ħdejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-xogħol fuq Triq Re Edwardu u x-xogħol fuq Triq Nelson.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega kif bħalissa, ir-ritmu tax-xogħol żdied fil-Pjazza tat-Tritoni sabiex fi ftit tal-gimgħat oħra l-pubbliku Malti u t-turisti jibdew igawdu dan il-proġett li jkompli jgħolli l-prodott tal-Belt Valletta għal wieħed aktar prestiġġjuż u ta’ kwalità.