Il-funeral tal-Gran Mastru Fra Matthew Festing se jsir nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Diċembru fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Festing miet nhar il-Ġimgħa li għadda wara li kien ħassu ma jiflaħx ġimgħa qabel, waqt ċerimonja fil-Kon-Katidral.
Dan il-funeral huwa meqjus bħala storiku għaliex ilu ma jsir funeral ta’ Gran Mastru f’Malta, ’il fuq minn mitejn sena wara li l-Kavallieri ta’ San Ġwann, li kienu ħakkiema tal-gżejjer Maltin, kienu tkeċċew minn Malta mill-Franċiżi fl-1798.
Il-Gran Mastru Emeritu Festing se jkun qed jindifen fil-kripta tal-Gran Mastri fil-Kon-Katidral fuq offerta tal-Gvern Malti.
F’din il-kripta hemm midfuna 11-il Gran Mastru ieħor fosthom Jean Parisot de Valette, li bena l-Belt u Alof de Wignacourt, li bena sitt torrijiet tal-għassa mal-kosta Maltija u kien wara l-proġett tal-Akwedott.
Festing kien Gran Mastru tal-Ordni Sovran ta’ Malta mill-2008 iżda lejn l-aħħar tas-sena 2016 feġġet kontroversja u fil-bidu tal-2017 kien kostrett jirriżenja wara tilwima mal-Vatikan u l-Papa.
Dan fuq kwistjoni li l-Ordni qassam kontraċettivi u mediċini meqjusa abortivi f’pajjiżi fqar.
Dan il-każ kien qajjem kriżi fl-Ordni minħabba li dan jirrispondi dirett lejn il-Papa u f’għajnejn uħud twettaq att li jmur kontra d-duttrina tal-Knisja Kattolika.
Festing huwa Ingliż, studja l-istorja u fl-aħħar tax-xahar kellu jagħlaq 72 sena.
Tul it-tmexxija tiegħu tal-Ordni huwa vjaġġa lejn il-ħames kontinenti biex saħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Għall-funeral se jqaddes id-Delegat Speċjali tal-Papa, il-Kardinal Silvano Maria Tomasi flimkien mal-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna.