Tħabbret il-mewt tal-Papa Emeritu Benedittu Sittax fl-età ta’ ħamsa u disgħin sena.
Papa Benedittu XVI miet is-Sibt filgħodu għall-ħabta tad-disgħa u nofs fil-Monasteru Mater Ecclesiae fil-Vatikan, wara li fl-aħħar jiem saħħtu marret lura.
Mit-Tnejn, tnejn ta’ Jannar, ġisem il-Papa Emeritu se jkun għall-qima tal-poplu fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan, dan filwaqt li l-funeral se jsir, il-Ħamis, ħamsa ta’ Jannar fi Pjazza San Pietru u se jiġi ċċelebrat mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.
Fis-dsatax ta’ April elfejn u ħamsa, il-Kardinal Josef Ratzinger, ġie elett il-mitejn u ħamsa u sittin Papa bl-isem ta’ Benedittu Sittax.
Is-Sibt f’nofshinar, il-knejjes kollha f’Malta u Għawdex daqqew l-qniepen b’tislima lill-Papa Benedittu XVI. Fi stqarrija l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet kif il-mota solenni se tindaqq ukoll dakinhar tal-funeral tal-Papa. Dan se jsir b’tislima u ringazzjament għas-servizz li l-Papa Emeritu ta lil Kristu, lill-Knisja Kattolika, u lill-umanità kollha.
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal kif Papa Benedittu XVI kellu rabta speċjali ma’ pajjiżna, l-ewwel minħabba li fl-2007, taħt xita qliel, Qal, “Aħna l-Maltin nixtiequ nfakkru mhux biss l-imħabba qawwija li l-Papa Benedittu kellu għal pajjiżna imma wkoll żewġ avvenimenti importanti li huma parti essenzjali mill-istorja ta’ pajjiżna. Aħna u nfakkru lill-Papa Benedittu b’tifkira solenni u gratitudni nitolbu wkoll lil Mulej ikompli jbierek lill-Knisja tiegħu b’rgħaja bħalu.”
L-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż sellmu l-memorja tal-Papa Emeritu. Kemm il-President ta’ Malta George Vella u l-Prim Ministru Robert Abela fakkru fiż-żjara li Benedittu kien għamel f’pajjiżna u kif dan l-avveniment għaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Intant, kienu bosta li f’dan il-jum ta’ dieqa kkwotaw silta minn dak li qal Papa Benedittu snin ilu:
“Pjuttost malajr, se nsib ruħi quddiem l-aħħar imħallef ta’ ħajti. Anke jekk, waqt li nħares lura lejn il-ħajja twila tiegħi, jista’ jkolli raġuni kbira għall-biża’ u għat-tregħid, xorta waħda ninsab ferħan, għax nafda bis-sħiħ li il-Mulej mhux biss l-imħallef ġust, imma wkoll il-ħabib u li hu stess diġà sofra għan-nuqqasijiet tiegħi, u għalhekk huwa wkoll l-avukat tiegħi, il-“Paraklitu” tiegħi.”