Tħabbar uffiċjalment li l-funeral tal-imprenditur Hugo Chectuti se jsir il-Ħamis li gej fl-għaxra ta’ filgħodu fil-Knisja ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.
Dan wara li l-qorti rrilaxxat il-katavru għad-difna.
Is-Sur Chetcuti, imwieled f’Santa Luċija miet fl-għomor ta’ wieħed u ħamsin sena tard il-Ħamis li għadda wara li kien ilu sitt ijiem jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.
Fi stqarrija, il-familja Chetcuti u l-Grupp Hugo iddeskrivew lis-Sur Chetcuti bħala imprenditur, filantropist, viżjonarju u l-fundatur tal-akbar grupp fil-qasam tad-divertiment f’Malta. Il-familja appellat lil dawk li se jattendu għall-funeral biex jilbsu l-iswed, jitfu l-mobile phone u ma jieħdux filmati tal-funeral. Huma appellaw ukoll biex hekk kif kienet ix-xewqa tas-Sur Chetcuti, flok fjuri jintbagħtu donazzjonijiet lill-Creche tal-Ursolin f’Tas-Sliema.
Il-funeral se jsir l-għada li fil-qorti tibda tinsema’ l-kumpilazzjon tax-xhieda kontra Bojan Cmelik, raġel Serb ta’ ħamsa u tletin sena li fost oħrajn jinsab akkużat bil-qtil ta’ Chetcuti b’żewġ daqqiet ta’ sikkina fl-istonku tiegħu.