Patri Marcellino Micallef rebaħ il-Premju Anzjanità Attiva, f’ċerimonja li saret il-Ġimgħa filgħaxija, taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta George Vella.
Huwa rċieva l-premju mingħand il-President, fil-preżenza tal-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Patri Marcellino Micallef huwa l-Fundatur tas-Soup Kitchen, li tagħmel xogħol siewi favur persuni fil-bżonn.
Is-Soup Kitchen taf il-bidu tagħha fl-2021, matul il-pandemija, u mijiet ta’ persuni jibbenefikaw mis-servizzi li toffri.
Dan hu t-tieni rikonoxximent fi ftit jiem li rċieva Patri Marcellino u s-Soup Kitchen, wara li x-xahar li għadda ngħata wkoll il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew ta’ din is-sena bħala rikonoxximent tal-ħidma favur is-solidarjetà, l-inklużjoni soċjali u r-rispett tad-dinjità umana.
Fir-reazzjoni tiegħu, Patri Marcellino Micallef qal li s-Soup Kitchen tilqa’ aktar minn mitt persuna kuljum, f’ambjent li joffri diversi servizzi.
Semma kif bħalissa hemm tim ta’ voluntiera anzjani Maltin, li ta’ kuljum jingħaqdu ma’ għaqdiet oħra li jmorru jagħtu daqqa t’id fis-Soup Kitchen.
“Il-booking tal-voluntiera għal din is-sena huwa kollu mimli, għax ġeneruż iktar mill-poplu Malti fid-dinja ma hawn ħadd. Wieħed biss jgħaddih lill-poplu Malti – Alla. Jien nirringrazzja lill-poplu Malti, hija skola sabiħa”.
Patri Marcellino Micallef – fundatur, Soup Kitchen
Il-Premju Anzjanità Attiva huwa ċelebrazzjoni ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni fis-settur tal-Anzjanità Attiva.
Din iċ-ċerimonja saret avveniment annwali ddedikat għall-anzjani, li matulu din is-sena ngħataw ħames premji.
Waqt iċ-ċerimonja ġew rikonoxxuti bosta anzjani oħra fosthom Charles Bellia, li ħa l-Premju tal-Anzjanità Kulturali u Joseph Vella li ħa l-Premju Volontarjat fl-Anzjanità.
Il-President ta’ Malta George Vella qal li persuni kbar fl-età, għandhom jingħataw kull spazju fejn ikomplu jużaw l-għarfien u l-abbiltajiet tagħhom għall-ġid tal-komunità.
Il-President qal li l-età m’għandhiex tkun ta’ xkiel biex persuna tkompli tinvolvi ruħha u jkollha rwol ċiviku fil-komunità.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela rringrazzja lill-anzjani kollha għall-kontribut kbir li taw matul ħajjithom, u q l li dak li qegħdin ingawdu aħna llum, ġie bil-ħidma ta’ min ġie qabilna.