‘Malta kapaċi tkun ċentru diġitali innovattiv għall-Ewropa.’ Hekk jemmen Andre Luis, il-fundatur ta’ THU, organizzazzjoni dinjija li tlaqqa’ fi ħdana l-aqwa mħuħ fl-industrija diġitali.
Skont hu, din, flimkien ma’ għadd ta’ raġunijiet oħra, fosthom il-pożizzjoni ġeografika u l-viżjoni tal-Gvern Malti għas-settur, kienet ir-raġuni għalfejn għażel li jmexxi l-organizzazzjoni tiegħu lejn pajjiżna.
Fil-fatt, fit-tliet snin illi ġejjin, pajjiżna se jospita wieħed mill-iktar avvenimenti importanti fl-industrija diġitali – dan hekk kif f’Settembru li ġej, aktar minn elf u ħames mitt persuna se jattendu għas-sitt edizzjoni tat-THU 2018 VALLETTA MALTA li se tittella fil-Forti Sant’Iermu.
ONE News tkellem ma’ Luis, li spjega li THU tlaqqa’ l-aqwa mħuħ fid-dinja minn għadd ta’ industriji diġitali.
Dan l-avveniment li qabel kien jittella’ fil-Portugall u kien jattira kumpaniji diġitali kbar fosthom Pixar, Walt Disney u Netflix, qed jiġi organizzat mill-organizzazzjoni magħrufa bħala Trojan Horse Was a Unicorn. Luis qal li l-isem intagħżel minħabba li xtaq xi ħaġa li ġġiegħel lin-nies jisaqsu.
Żied jgħid li waqqaf din l-organizzazzjoni lura fl-elfejn u tlettax, biex b’hekk tingħata pjattaforma b’mod globali lill-kumpaniji kif ukoll individwi li huma intiżi fis-settur tal-logħob diġitali u fl-industrija tal-films, bil-għan li l-industriji jkomplu jikbru.
Spjega li THU għażlet lil Malta sabiex itellgħu dan l-avveniment ta’ prestiġju, minħabba li jqisu lill-pajjiżna bħala gżira b’potenzjal li tkun iċ-ċentru ta’ eċellenza fis-settur diġitali.
Qal li issa, il-pass li jmiss għal THU huwa li tikkonferma li għamlet l-għażla t-tajba meta għażlet lil pajjiżna. Qal li wara li jikkonferma dan kollu, jemmen li ż-żewġ naħat kapaċi jiksbu affarijeit kbar. Dan hekk kif fi kliemu stess, il-potenzjal ta’ Malta huwa wieħed enormi, u qed jinħass il-bżonn għal ċentru diġitali ġdid – xi ħaġa li fil-futur, Malta kapaċi tkun.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, Malta ser tospita aktar minn tletin kumpanija li qed ifittxu li jimpjegaw ħaddiema f’dan is-settur.
THU se tittella’ bejn it-24 u d-29 ta’ Settembru.