Il-President ta’ Malta, George Vella, nieda l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ‘The President’s Solidarity Fun Run’, li se ssir nhar il-Ħadd, 20 ta’ Novembru.
Il-President Vella qal li jinsab ħerqan ħafna li jerġa’ jiltaqa’ man-nies f’avveniment li fih il-Maltin u l-Għawdxin għandhom okkażjoni biex juru dak li jgħaqqadna bħala poplu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-iSportMalta u Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv, Mark Cutajar, qal li l-attività din is-sena se tirritorna għall-format tradizzjonali tagħha. Il-parteċipanti se jitilqu minn erba’ postijiet differenti u jimxu jew jiġru fid-direzzjoni tal-Palazz, fil-Belt Valletta.
Il-mixja se titlaq mill-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, minn ħdejn il-Kappella tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq, u minn Santa Venera fid-9.30am, filwaqt li l-ġirja titlaq fl-istess ħin mis-Saqqajja, ir-Rabat.
Kevin Chircop, li huwa ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemed – l-isponser ewlieni ta’ din l-attività – qal li hu parti mid-dover tal-kumpanija li tagħti daqqa t’id lil min hu fil-bżonn u lil kull min jiġi bżonn il-Malta Community Chest Fund. Huwa ħeġġeġ lill-kumpaniji biex ma jistennewx lil min iħabbtilhom il-bieb biex jgħinu.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, Mario Fava, qal li l-kunsilli lokali se jerġgħu jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom biex iħeġġu lir-residenti jieħdu sehem f’din l-attività nazzjonali. B’hekk, in-nies jagħmlu eżerċizzju fiżiku u fl-istess waqt juru solidarjetà. Minn għada, is-Sibt, il-kunsilli lokali se jibdew jirreġistraw lill-pubbliku għall-Fun Run.
Preżenti għall-varar tal-Fun Run kien hemm il-Ministru responsabbli mill-isport, Clifton Grima, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport, Graham Bencini.
L-applikazzjonijiet għal The President’s Solidarity Fun Run se jibdew jintlaqgħu mill-Kunsilli Lokali kollha, mill-Kitchen Garden, mill-Palazz ta’ Sant Anton, mill-uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund il-Belt, u mill-kumplessi ta’ SportMalta f’Ħal Kirkop, il-Kottonera, il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, u Ta’ Kandja Shooting Range.
Se jintlaqgħu wkoll waqt l-attività “Festa Palazz” li se ssir fil-Palazz tal-Verdala dan il-weekend. Ir-reġistrazzjoni hija €10.