L-għaxar edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run se ssir nhar il-Ħadd 4 ta’ Novembru 2018.
F’kelmtejn waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar din l-attività fiżika annwali, l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fissret kif il-fun run għandha tkun ċelebrazzjoni – ċelebrazzjoni tal-entitajiet diversi li jagħtu l-għajnuna tagħhom, ċelebrazzjoni tal-volontarjat, ta’ għaqda hekk kif dakinhar, minkejja d-differenzi kollha ta’ bejnietna, l-poplu ma jiddejjaqx ikun spalla ma’ spalla ma’ xulxin għal għan wieħed u nobbli, celebrazzjoni ta’ solidarjeta u tal-valur li stqarret li jiddentifikana bħala poplu – l-ġenerożità. Il-President spjegat kif is-sena l-oħra l-MCCFF nefqu €7.7 miljun u għenu mal-ħdax-il elf persuna filwaqt li din is-sena qed jiproġettaw li jonfqu €9 Miljun u għaldaqstant tenniet l-appell tagħha biex il-poplu Malti u Għawdxi kollu jipparteċipa f’dan il-jum.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzativ, Mark Cutajar, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni, Ryan Callus u Luciano Busuttil.
Intant, intqal li għal sena oħra se jkun hemm tliet rotot għal dawk li se jimxu fil-fun run: ir-rotta li titlaq mill-Università ta’ Malta, dik mill-Imsida u dik minn Raħal Ġdid.
Se jkun hemm ukoll ir-rotta ghal dawk li jridu jigru li se jitilqu mit-telgħa tas-Saqajja fir-Rabat. Kull rotta se titlaq fl-għaxra ta’ filgħodu ta’ dakinhar. Kull min jixtieq jipparteċipa jista’ jiġbor il-flokk u l-bib mill-Palazz ta’ San Anton, il-Palazz tal-Belt, mill-fergħat tal-Banif Bank u mill-ispiżeriji ta’ Browns.