Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud reġgħu dehru l-aħwa Alfred u George Degorgio magħrufa bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż flimkien mas-sieħba taċ-Ċiniż Anca Adelina Pop.
Huma qed jiġu akkużati fost oħrajn b’ħasil ta’ flus, u f’każ seperat iċ-Ċiniż u l-Fulu qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia flimkien ma’ Vince Muscat il-Koħħu.
Is-seduta bdiet bl-Avukat Marisa Mifsud li ppreżentat it-traduzzjonijiet ta’ xhieda ta’ nhar is-7 ta’ Settembru li għadda.
Xehed ukoll ir-rappreżentant ta’ Fexserv Paul Vassallo li esebixxa rekords ta’ tranżazzjonijiet għal George Degorgio u kif ukoll set ta’ 52 transazzjoni li huwa bgħatt barra minn xtutna.
Intant, fil-konfront tas-Sur Alfred Degorgio huwa esebixxa tmien transazzjonijiet fejn bagħat flus barra minn xtutna, u kif ukoll Anca Adelina Pop huwa esebixxa sett ta’ 57 transazzjoni fejn hija bagħatet il-flus barra minn Malta.
Huwa preżenta wkoll sett ta’ 52 transazzjoni ta’ flus li hi rċeviet permezz tal-Western Union Money Transfer.
Ir-rappreżentant ta’ Fexserv qal li dawn it-transazzjonijiet imorru b’lura ħames snin.
It-tieni xhud kien l-Eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Neville Aquilina u li issa jaħdem f’kumpanija tal-‘Gaming.
Huwa ġie mqabbad biex jagħmel riċerka jekk humiex klijenti ta’ Casino partikolari, fejn qal li Anca Adelina Pop qatt ma attendiet ġewwa dan il-casino partikolari, madankollu George Degorgio mar darba fid-Dragonara Casino u Alfred Degorgio kien klijent regolari ta’ dan il-casino tant li huwa lagħab l’ fuq minn €39,000 fi tlett snin u tilef €18,000 fl-istess perjodu.
Telgħet tixhed ukoll is-Sinjura Abigail Fenech li hi rappreżentanta ta’ Portomaso u Oracle Casino.
Hi qalet li George Degorgio u Anca Adelina Pop qatt ma kienu klijenti ta’ dan il-casino, iżda Alfred Degorgio kien u huwa lagħab l’ fuq minn €40,000 u tilef ftit iżjed minn €31,000 fl-Oracle Casino, filwaqt li fil-Casino ta’ Portomaso lagħab ‘l fuq minn €457,000 u tilef l’ fuq minn €16,000.
Tela’ jixhed ukoll rappreżentant ta’ Casino Malta; li qal li huwa Alfred Degorgio li kien imur f’dan il-Casino. Qal kif kull meta mar f’dan il-Casino huwa lgħab €34,000 u tilef mas-€6,000.
Il-Każ se jkompli jinstema’ nhar it-22 ta’ Ottubru li ġej fejn se tinstema’ wkoll l-argumentazzjoni tad-difiża u l-prosekuzzjoni għall-ħelsien mill-arrest.