F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar kif, minħabba t-tbassir tat-temp għall-ġranet li ġejjin, il-ftuħ uffiċjali tal-Europride se jkun qiegħed isir fil-Malta Fairs & Convention Centre, l-MFCC, f’Ta’ Qali.
Dan minħabba li għall-ewwel ġurnata ta’ dan l-avveniment internazzjonali, nhar is-7 ta’ Settembru, qed tiġi mbassra x-xita. Oriġinarjament il-ftuħ ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ta’ mħabba u inklużjoni kien mistenni jittella’ fi Pjazza Tritoni.
Il-President ta’ Allied Rainbow Communities, Maria Azzopardi, stqarret kif it-temp mhux se jkun qiegħed iwaqqaf il-preparamenti, li ilhom għaddejjin sew għall-akbar dimostrazzjoni favur il-komunità LGBTIQ+ fl-Ewropa.
Azzopardi ħeġġet lil min għadu ma bbukkjax biex jattendi għall-ftuħ uffiċjali u l-afterparty, li d-dħul għalihom hu b’xejn, biex jagħmel dan mill-aktar fis possibbli permezz tas-sit showshappening.com.
Fil-fatt, is-serata tas-7 ta’ Settembru se tkun waħda mimlija divertiment u ċelebrazzjonijiet bis-sehem ta’ bosta artisti lokali. Għall-okkażjoni, intlaħaq ftehim biex ikun hemm servizz speċjali ta’ trasport pubbliku ħalli kulħadd ikollu aċċess effiċjenti lejn l-MFCC.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, spjegat kif dawn il-miżuri qegħdin jittieħdu fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min se jattendi għal dawn l-avvenimenti.
Qalet “Dan mhu se jxekkel xejn miċ-ċelebrazzjonijiet li għandna ppreparati għax huwa mument storiku għal pajjiżna li se nospitaw id-disgħa u għoxrin edizzjoni tal-Europride. Din se tkun ċelebrazzjoni ta’ mħabba fejn se nfakkru l-kisbiet li għamilna bħala poplu, bħala Gvern. Iżda filwaqt li nużaw din l-opportunità biex nagħtu aktar vuċi lill-komunità u nassiguraw li nkomplu nħottu l-ħitan tal-preġudizzji li għadhom jeżistu fis-soċjetà tagħna.”
Buttigieg innotat kif il-Pride March f’Għawdex, nhar is-Sibt li ġej, 9 ta’ Settembru, se jkun qiegħed isir kif b’mod normali kif kien ikkomunikat fil-ġranet li għaddew.
Dan filwaqt li l-Pride Village fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, se jkun qiegħed jittella’ mit-tnax ta’ Settembru u se jkun qed jospita diversi diskussjonijiet fuq temi varji mir-relazzjonijiet sa dawk li jittrattaw ir-reliġjon.
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari, Rebecca Buttigieg, ikkundannat l-att vandalu li seħħ fi Pjazza Kastilja fuq parti mill-promozzjoni għal dan l-avveniment.
Qalet “Nikkundannawh b’mod sħiħ għax turi biċ-ċar kemm għad għandna bżonn nedukaw biex nassiguraw li jkollna ugwaljanza fil-ħajja ta’ kuljum. Jiġifieri l-fatt li kellna dak l-att vandalu mhu se jxekkel xejn mill-messaġġ li dejjem ħa nibqgħu nagħtu b’mod konsistenti li l-ugwaljanza hi għal kulħadd u xejn mhu se jwaqqafna milli naħdmu għal dak l-għan.”