Hu stmat li fil-lejl tal-ftuħ spettakolari ta’ Valletta 2018, madwar 110,000 persuna attendew bi ħġarhom fil-Belt Valletta biex isegwu l-akbar spettaklu artistiku li qatt raw il-Belt Valletta u Malta.
Waqt il-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Valletta 2018, 1,000 artist u 450 membru mit-team tal-produzzjoni ħadu sehem fl-akbar manifestazzjoni kulturali fil-miftuħ li kienet magħmula minn erba’ rappreżentazzjonijiet b’temi differenti f’erba’ pjazez fl-istess waqt bejn is-7pm u l-11pm u kunċert uniku ‘TEMPO’. Dan tal-aħħar kien l-ewwel kunċert tax-xorta tiegħu f’Malta bejn Tenishia u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Il-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet kellhom kliem kbir ta’ tifħir u ta’ apprezzament mhux biss mill-eluf kbar ta’ Maltin li żaru l-Belt Valletta jew segwew minn fuq it-televiżjoni, iżda anke minn rappreżentanti għolja tal-Kummissjoni Ewropea tal-Kultura fosthom il-Kummissarju Ewropew Tibor Navracsics li kien preżenti għall-ftuħ.
Tifħir wasal ukoll minn 20 delegazzjoni differenti minn bliet Ewropej responsabbli minn Kapitali Ewropej tal-Kultura fil-passat, fil-preżent, u fil-futur.
Ma’ dawn ingħaqdu eluf ta’ turisti minn madwar id-dinja li żaruna apposta għall-ftuħ uffiċjali tal-ftuħ ta’ Valletta 2018.
Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta ġibdu wkoll l-attenzjoni tal-media internazzjonali fosthom bosta aġenziji tal-aħbarijiet ewlenin u stazzjonijiet internazzjonali bħal: RAI, SKY, Euronews, RTL u Central China Global Network (CCGN).
Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u s-Segretarjat Parlamentari responsabbli minn Valletta 2018 u mill-Fondazzjoni 2018, jirringrazzjaw lill-artisti kollha li taw prestazzjoni eċċezzjonali, lill-forzi tal-ordni u tas-sigurtà ta’ pajjiżna għall-ħidma impekkabbli kif ukoll lix-xandara li pprovdew l-ispettaklu lit-telespettaturi bis-saħħa ta’ produzzjoni televiżiva tal-ogħla livell, tant li dik tal-bieraħ kienet l-akbar xandira li qatt xandar il-PBS fl-istorja tiegħu.
Il-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari jirringrazzjaw ukoll lid-Direttorat tat-Tindif li matul is-sigħat bikrin ta’ dalgħodu immedjatament naddfu t-toroq tal-Belt Valletta.
Ringrazzjament speċjali jmur għat-tmexxija u għa;l-ħaddiema kollha tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li tagħhom kienet ir-responsabbiltà għat-tħejjija kollha tal-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet li se jaraw 400 attività oħra matul is-sena kollha bħala parti minn programm kulturali b’saħħtu għall-2018: is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Fuq kollox, ringrazzjament lill-pubbliku ġenerali li kkonkorra u apprezza b’tant ħeġġa u b’dedikazzjoni l-ispettaklu straordinarju li ttella’ matul il-lejl tal-bieraħ.