Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis indirizza l-ftuħ tas-sena akkademika tal-Università tat-Tielet Età. Hu tkellem fuq l-importanza tal-apprezzament tat-tgħallim tul il-ħajja. Is-Segretarju Parlamentari stqarr li dan l-apprezzament qiegħed jikber fil-preżent, u fil-futur huwa persważ li l-irwol tal-Università tat-Tielet Età ser ikompli jikber. Huwa qal dan meta kien qed jindirizza l-anzjani fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana.
Hu tkellem fuq kif is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ħadem sabiex b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta jinfetħu aktar ċentri, f’Ħ’Attard, Birżebbuġa u l-Mellieħa, sabiex jintlaħqu aktar nies. B’hekk qed titwessa’ l-opportunità sabiex iktar anzjani jipparteċipaw f’dawn il-programmi varji li qiegħda toffri l- Università tat-Tielet Età.
![](http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2019/10/pr192140a.jpg)
Is-Segretarju Parlamentari stqarr li s-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva iħeġġeġ l-anzjanità attiva b’mod ħolistiku, u spjega kif Malta ser tkun l-ewwel pajjiż fid-dinja li ser tiftaħ l-Università tar-Raba Età. Is-Segretarju Parlamentari tkellem kif kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jitgħallem, inkluż l-anzjani b’dipendenza għolja.
Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi awgura lill-anzjani preżenti sena produttiva u mimlija esperjenzi pożittivi.