Il-Ftira Maltija flimkien mal-ingredjenti tipiċi u friski tal-bidwi u r-raħħal Malti se tkun fost it-tradizzjonijiet Maltin li bord appuntat apposta se jrressaq għall-approvazzjoni tal-UNESCO biex jitniżżlu bħala wirt kulturali intanġibbli.
Dan minħabba l-mod kif issir u l-mod kif titħawwar, u anke għal fatt li hi parti mill-ikel tradizzjonali Malti li t-turist ifittex meta jżur pajjiżna.
Flimkien mal-ftira Maltija ser tkun l-Għana Maltija li dan il-Bord approva sabiex issir is-sottomissjoni tagħha quddiem il-UNESCO, kif jgħid id-direttur tal-Kultura Mario Azzopardi.
Azzopardi qal li “Anke meta turist jiġi Malta jkun irid iduq tradizzjonijiet Maltin il-fatt li jkollok tradizzjoni rokonoxxuta mill-UNESCO tkun trid tesperjenzaha u din se tgħin biex il-ftira u l-għana jiġi protett”
Xhieda ta’ dan huwa Ġan li dawn l-aħħar snin qattagħhom iħawwar il-ftajjar lit-turisti li jżuru r-Rabat.
Spjega kif il-ftajjar jinżlu għasel mat-turisti, aktar minn xi biċċa laħam tajba jew ikla Maltija oħra.
Id-Direttur tal-Kultura, spjega li l-pubbliku ressaq ’il quddiem tmien sottomissjonijiet sabiex jiġu ppreżentati lill-UNESCO, bil-bord s’issa aċċetta l-Ftira, l-Għana u l-Bizzilla.
Din is-sena ser ikunu l-Ftira u l-Għana biss li tagħhom ser issir sottomissjoni, b’oħrajn mistennija jitressqu fis-snin li ġejjin.
Dawn it-tliet tradizzjonijiet issa tniżlu fl-inventarju tat-tradizzjonijiet Maltin ta’ pajjiżna.
B’hekk flimkien ma’ bosta siti ta’ wirt storiku, ikompli l-impenn biex il-wirt kulturali ta’ pajjiżna jkompli jkun rikonoxxut, mhux biss f’pajjiżna, imma internazzjonalment.