Bla dubju, il-ftira Maltija hija l-iktar prodott lokali popolari li hu konness mal-ħobż. Ftira tista’ sservi kemm bħala ikla sħiħa u kif ukoll għal min jixtieq xi ħaġa ħafifa. Fuq kollox, din tista’ tintela’ prattikament b’dak kollu li wieħed jixtieq. Probabbli l-ftira hi meqjusa bħala ordinarja, iżda din hija waħda mill-ftit prodotti artiġjanali li għadhom isiru bl-idejn. Nhar il-Ħamis, 24 ta’ Jannar, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jattendi għal diskussjoni li se ssir mill-istoriku Dr Noel Buttigieg dwar il-kwalitajiet storiċi, artiġjanali u kulinari tal-ftira, tant li din qed tiġi proposta għall-inklużjoni fil-lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli Dinji.
Għal sekli sħaħ, il-ħobż kien parti integrali mill-ikel Malti. Ma kienx biss essenzjali għad-dieta lokali, imma kien anki jifforma parti ewlenija mill-kultura u l-istorja tal-pajjiż. Il-ħobż saħħaħ rabtiet politiċi, kien parti fundamentali kif wieħed jikseb kontrol soċjali, xi drabi wassal għal inkwiet, serva bħala marka ta’ distinzjoni tal-klassijiet soċjali, u daħal fil-lingwa permezz ta’ diversi idjomi u metafori. Il-ftira tidħol perfettament f’dan ix-xenarju.
L-għamla ċatta tal-ftira ħolqitilha isimha mill-verb fattar, hekk kif deskritt mill-lingwist Giovanni Francesco Agius de Soldanis fil-ktieb tiegħu Damma – dizzjunarju tal-1766. L-ekwivalenti fil-lingwa Taljana hija l-ischiacciata, kif kienet tissejjaħ meta kienet tinħadem fil-forn tal-Ordni fl-1742. Dan kollu jwassal għan-natura artiġjanali tal-ftira, li tibqa’ dejjem iċ-ċentru tal-produzzjoni tagħha.
Din id-diskussjoni se ssir bl-Ingliż fis-7.00pm fil-Palazz tal-Inkwiżitur, li huwa wkoll il-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Birgu.
Dħul bla ħlas. Biex tirriserva post jew għal aktar informazzjoni, ċempel 2182 7006 jew idħol fis-sit ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org