Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Grupp tal-Ħodor, Sven Giegold, kellu kliem ta’ tifħir għall-Gvern Malti u għall-Ministru Edward Scicluna dwar il-ftehim milħuq fil-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra l-evażjoni tat-taxxa.
Huwa qal: “Il-ftehim milħuq mill-Ministri tal-finanzi tal-Unjoni Ewropea dwar emendi għad-direttiva kontra l-evitar tat-taxxi hija pass important ‘il quddiem fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxi. Internazzjonalment, l-Ewropa ħadet rwol gwida fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxi minn
kumpaniji multinazzjonali.”
Dan il-ftehim mal-Kunsill għall-Affarijiet Finanzjarji u Ekonomiċi fi Brussell, l-Ecofin, jwassal biex tiġi ikkompilata lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkoperawx mal-liġijiet Ewropej dwar l-evażjoni tat-taxxa u ħasil ta’ flus, bil-għan li dawn ikunu esklużi.
Il-ftehim li qed jissejjaħ Anti-Tax Avoidance, ATAD II, huwa prova ċara ta’ kemm pajjiżna huwa kommess li jiġġieled il-fenomenu tal-evażjoni tat-taxxa. B’Hekk, kwalunkwe allegazzjoni li pajjiżna qed ikaxkar saqajh biex jilħaq dan il-ftehim mal-Ewropa kienet falza.
Dan il-ftehim tmexxa mill-Ministru Edward Scicluna, u huwa l-iktar wieħed riċenti minn għadd ta’ miżuri li ttieħdu bil-għan li titwaqqaf l-evażjoni tat-taxxa f’kumpaniji b’bażi differenti, li tista tkun detriment għall-bażi tas-sistema tat-taxxa f’pajjiżi Ewropej.