Il-ftehim settorjali tal-Pulizija issa ġie approvat unanimament u għalhekk ser jiġi ffirmat nhar it-Tnejn. Dan wara li llejla l-uffiċjali tal-Pulizija Għawdxin approvaw b’mod unananimu dan il-ftehim f’laqgħa li kellhom fil-gżira Għawdxija.Matul l-aħħar jiem iż-żewġ Presidenti tal-Police Officers Union u l-Malta Police Association l-Ispetturi Sandro Camilleri u Malcolm Bondin ippreżentaw dan il-ftehim lill-membri tagħhom li approvaw b’mod unananimu f’kull rank jiġifieri Kuntistabbli, Surġenti, Maġġuri, Spetturi u Supretendenti. B’hekk dan il-ftehim issa ser jiġi ffirmat nhar it-Tnejn li ġej. Il-ftehim settorjali 2018-2022 qed jitqies bħala wieħed storiku għax sar b’konsultazzjoni sħiħa mal-Unions kuntrarju għal dak li sar fl-2012 li kien sara wara bibien magħluqa minn ftit nies.
Dan il-ftehim ser jara lir-rankijiet ta’ Kuntistabbli, Surġenti, Maġġuri u Spetturi jitilaw skala tal-gvern, xi ħaġa li l-unions flimkien mal-membri tagħhom tant irsistew għaliha, dan fost żieda fl-allowances u titjieb fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Il-ftehim settorjali ser jiġi ffirmat nhar it-Tnejn li ġej fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.