Il-ftehim il-ġodda, li għadhom kemm ġew issiġillati bejn il-Gvern u l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, bl-aħjar kundizzjonijiet għal ħaddiema fis-servizz tas-saħħa pubblika, intlaqa’ tajjeb ħafna.
Il-ftehimiet se jwasslu għal pagi u kundizzjonijiet aħjar lil madwar 4,000 ħaddiem, bejn infermieri, qwiebel u ECG Techinicians, li jaħdmu mal-Istat.
Fi kliem l-istess ħaddiema tas-saħħa, dan l-investiment mill-Gvern Malti se jolqothom b’mod pożittiv, filwaqt li se jservi wkoll ta’ ġid għall-komunità inġenerali.
L-infermieri stqarrew li f’qasam importanti, bħalma hu s-settur tas-saħħa, minn dawn il-ftehimiet se jgawdu minnhom anke l-pazjenti u dawk kollha li jirċievu xi tip ta’ servizz fl-Isptar Mater Dei, fiċ-ċentri tas-saħħa, il-bereġ u djar residenzjali.
L-infermieri Clayton Turner u l-infermiera Francesca Bondin spjegaw is-sodisfazzjon tagħhom dwar il-ftehimiet li se jwasslu għal titjib fid-dħul tal-infermieri bil-għan li jkomplu jwettqu xogħolhom b’dedikazzjoni kbira, inkluż ma’ pazjenti li jeħtieġu kura akuta. Fl-istess ħin se jkunu ta’ inkoraġġiment biex aktar żgħażagħ jagħżlu din il-professjoni.
Qal, “Bħala agreement hu tajjeb ħafna. Napprezza l-fatt li ħa niżdiedu fil-paga u bħala għajnuna għall-pazjent se tkun aktar kbira għax, aħna naħdmu ħinijiet twal tax-xogħol flimkien u jkollna ħafna pazjenti akuti, pazjenti mill-emerġenza li jmorru fi swali oħrajn, imbagħad jiġi transfered u l-ħin kollu għaddejjin bix-xogħol tagħna.”
Qalet, “L-inizjattiva tas-sector agreement il-ġdid hi tajba ħafna u tgħin ħafna żgħażagħ bħali jidħlu fil-professjoni tal-infermiera. Hi inkoraġġiment. Fl-aħħar mill-aħħar aħna qegħdin hawn biex ngħinu l-pazjenti qishom il-ġenituri tagħna.”
Wara l-iffirmar tal-ftehim, li għalih attenda wkoll il-Prim Ministru Robert Abela u spjega kif dawn juru impenn ċar ta’ Gvern li jinvesti fil-ħaddiema, mhux b’inqas f’qasam li jagħti servizz importanti lin-nies, tkellmu wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, u l-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr li, permezz ta’ dawn il-ftehim, il-Gvern qed isostni li jinvesti fis-sistema tas-saħħa li hi tajba għax hi mħaddma minn ħaddiema b’dedikazzjoni inkredibbli.
Qal, “Aħna bħala Gvern dejjem irrispettajnihom lill-professjonisti tagħna u dejjem għarafnieh. Però llum dawn qegħdin nikkonfermawhom mhux biss bil-kliem, imma anke bil-fatti, għax bis-secular agreements li ffirmajna llum man-nurses, mal-midwifes u mal-ECG technicians qegħdin ngħollu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-professjonisti.”
Il-Ministru Abela nnota kif l-infermieri qed jieħdu l-aqwa pakkett fl-istorja u dan għandu jgħin mhux biss finanzjarjament lill-ħaddiema, iżda anke fit-taħriġ tal-ħaddiema u jkompli jtejjeb l-effiċjenza fis-servizz tas-saħħa.
Qal, “Dan hu pakkett, li mhux biss se jgħin finanzjarjament, imma se jgħin ukoll fit-taħriġ tal-kollegi tagħna, għandu jgħin fl-effiċjenza tas-servizz kollu. Jiena kuntent b’dan il-pakkett u nawgura lill-kollegi tiegħi bl-aħjar.”