Sptarijiet fir-Renju Unit qed jingaġġaw infermieri biex joffru l-kura lill-pazjenti fil-kurituri u fil-parkeġġi tagħhom minħabba ż-żieda kbira fil-każi ta’ influwenza u mard ieħor staġjonali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom bħalissa.
Il-ftehim li l-Gvern Malti laħaq fl-aħħar jiem ma’ tliet sptarijiet privati biex jibdew joffru s-servizzi lil pazjenti b’każi minuri ta’ Emerġenza, għandu l-għan li jtaffi ffollar simili fl-istennija għall-kura, inkluż f’dan iż-żmien xitwi meta jiżdiedu sew il-każi.
Għal dan l-istess ftehim qed toġġezzjona l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM.
Sky News irrapporta kif, fl-aħħar jiem, aktar minn tużżana sptarijiet fir-Renju Unit iddikjaraw inċidenti kritiċi riżultat ta’ taħlita ta’ każi ta’ influwenza u viruses, bħall-COVID, norovirus u dawk fin-nifs, li qed jitfgħu piż enormi fuq ir-riżorsi tagħhom.
L-Isptar Whittington fit-Tramuntana ta’ Londra wkoll għadu kemm irreklama vakanza għal infermieri rreġistrati li jkunu jistgħu jaħdmu f’xiftijiet fil-kurituri tiegħu meta s-swali ma jkunux jifilħu għal iżjed pazjenti.
Dwar dan ukoll irrapportat is-Sunday Times ta’ Londra li ddeskriviet għas-sitwazzjoni bħala “kura tal-kurituri”.
F’kumment lil Sky News, uffiċjal tal-isptar qal li, bħal sptarijiet oħrajn, fejn hu neċessarju jinġieb staff addizzjonali biex tkun tista’ tingħata l-kura f’każi ta’ pressjoni straordinarja.
Dwar dan ukoll, sadanittant, ikkummenta l-Ministru għas-Saħħa f’pajjiżna, Jo Etienne Abela, waqt li t-Tnejn waranofsinhar kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Hu qal li, biex jevita sitwazzjoni simili, il-Gvern Malti qed jalloka €14-il miljun għall-ġid tal-pazjenti f’pajjiżna.
“Ara x’qed jiġri l-Ingilterra, Londra. Londra aċċettaw il-fatt li, peress li qed ikollhom ħafna ammissjonijiet, iridu jiftħu l-kurituri u, allura, l-isptarijiet ta’ Londra qed jingaġġaw nurses apposta biex jieħdu ħsieb pazjenti fil-kurituri. Dik xi ħaġa li l-Gvern Malti ma jridx jagħmilha, għas-sempliċi raġuni li l-Gvern Malti alloka ’l fuq minn €14-il miljun għal proposti ta’ outsourcing. Jien ma jistax ikolli €14-il miljun fil-bank u, fl-istess ħin, inħalli l-pazjenti fil-kurituri jew, bħal dan il-lejl, fit-theatre recovery fejn jien suppost filgħodu ħa nagħmel l-operazzjonijiet. Issa, aħna, il-Gvern l-għan tiegħu u l-Oppożizzjoni qablet magħna li dan il-proċess immexxuh. Jien jekk ikolli pazjent fil-kuritur ma nistax immur ngħidlu jiddispjaċini. Jien irrid immur ngħidlu sibtlek soluzzjoni.”
JO ETIENNE ABELA
Minkejja dan, il-MAM, immexxija minn Martin Balzan, ordnat lit-tobba biex jieqfu jittrasferixxu pazjenti fil-privat.
Xi ħaġa li ġiet ikkundannata mill-isptarijiet privati involuti, dawk tas-St James, id-Da Vinci u s-St Thomas.
F’Settembru li għadda, kien ukoll sar magħruf kif il-MAM kienet qed tostakola 18-il miżura proposti mill-Gvern biex jitjiebu s-servizzi fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei.