“Il-ftehim dwar stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel huwa t-tielet patt soċjali li wasal għalih il-Gvern għall-poplu Malti u Għawdxi. L-ewwel patt soċjali kien fil-pandemija u t-tieni patt kien iż-żieda fil-paga minima.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’diskors li għamel f’attività politika oħra ta’ nhar ta’ Ħadd, din id-darba f’sala ppakkjata nies ta’ lukanda ewlenija fl-Imġarr, Għawdex.
Hawnhekk Dr Abela spjega kif il-Gvern kien kommess li jindirizza aspett ieħor tal-isfida tal-inflazzjoni, minkejja li kien hemm min qal li l-Gvern m’għandux jidħol f’dawn il-kwistjonijiet u jħalli s-suq isuq.
“Fil-baġit nerġgħu nanalizzaw is-sitwazzjoni. Li nista’ nserħilkom raskom huwa li dan Gvern li kien għadu u jibqa’ warajkom kollha. Qed nitkellmu fuq 400 prodott illi mill-1 ta’ Frar tafu li mhux se tmorru fis-supermarket u tgħidu ara reġgħu għolew. Mill-1 ta’ Frar tafu li se jkun hemm stabbiltà sħiħa f’dawk il-prezzijiet b’hekk tiggarantixxi l-istabbiltà u s-serħan il-moħħ lill-poplu u n-negozji wkoll.”
F’diskors ċar, Robert Abela qal kif dan il-Gvern huwa tan-nies u għalhekk qatt ma ħalla u qatt mhu se jħalli lin-nies waħedhom.
Dan jixhduh il-bosta miżuri u inizjattivi li ttieħdu.
“Mill-wage supplement, u skemi ta’ vouchers fil-pandemija, mekkaniżmu ġdid kontra l-għoli tal-ħajja, Budgets bla taxxi ġodda, l-aqwa investiment f’benefiċċji soċjali u fl-infrastruttura fl-istorja, roħs u stabbiltà fil-prezz tal-fuel, garanzija kontinwa dwar l-istabbiltà fil-kontijiet tal-ilma u d-dawl u filwaqt li ngħinu lilkom, ninvestu fil-futur tagħkom.”
Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern wasal għal dan il-għan għax jemmen fil-poplu Malti u Għawdxi.
Dan b’kuntrast għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li kburija li għakset lill-Maltin u l-Għawdxin meta kienet tiggverna.
“Temmnu li sal-lum għadhom iħossuhom kburin bil-mod kif mexxew qabel l-2013, smajtuh din il-ġimgħa fil-Parlament lil Tonio Fenech, reġa’ qal kemm kien tajjeb il-Kabinett Nazzjonalista meta ddeċieda li jgħolli l-prezzijiet tad-dawl u sallab lil kulħadd kien.”
Robert Abela temm id-diskors tiegħu b’messaġġ favur Malta u Għawdex isbaħ u aktar b’saħħithom.
“Jekk temmnu fl-politika progressiva tagħna u mhux fil-politika tal-awsterità. Jekk temmnu li l-Gvern ta’ pajjiżna għandu jibqa’ Gvern tan-nies. Jekk temmnu fil-proġetti li semmejt għal Għawdex. Mela minn għada stess immiddu għonqna għax-xogħol flimkien. Biex nibagħtu messaġġ qawwi. Favur lokalitajiet isbaħ. Favur Għawdex gżira ta’ villaġġi. Għawdex isbaħ. Għawdex u Malta iktar b’saħħitha. Għax jekk nibqgħu flimkien biss. Insaħħu Malta Tagħna.”