Matul is-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell intlaħaq ftehim bejn il-membri stati dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Baġit Ewropew sal-2027.
Il-mexxejja Ewropej qablu fost oħrajn li l-Ukrajna se tingħata għajnuna finanzjarja sinifikanti ta’ €50 biljun, maqsuma bejn għotjiet u self. Ġiet allokata wkoll żieda fil-fondi għal migrazzjoni l-viċinat tan-Nofsinhar.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan il-qbil jawgura tajjeb mhux biss għall-Unjoni, iżda wkoll għal pajjiżna.
“Sodisfatt li tista’ tgħid li llum l-Unjoni Ewropea dehret magħquda u dik hija s-saħħa tal-ftehim li ġie milqugħ li fit-teħid tad-deċiżjoni deherna li aħna kumpatti, deherna li aħna solidali mal-poplu Ukren u li se nagħtuhom b’assistenza finanzjarja li hija meħtieġa biex ikomplu l-ġlieda tagħhom kontra l-aggressjoni inġusta li saret fil-konfront tagħhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan il-qbil fil-Kunsill Ewropew seħħ wara li f’Diċembru li għadda, il-Prim Ministru Ungeriz Viktor Orban ma qabilx dwar dan il-pakkett ta’ fondi lill-Ukrajna.
Qabel dan is-summit tal-Ħamis, saret laqgħa bilaterali li saret bejn il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru Ungeriz Viktor Orban.
Dwar dan il-ftehim, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel sostna li l-Unjoni Ewropea qed tmexxi ’l quddiem biex tgħin lill-Ukrajna.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li dan il-ftehim huwa messaġġ ċar lejn il-President Russu Vladimir Putin. Hija sostniet li kienet ġurnata tajba għall-Ewropa.
Dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza, il-Prim Ministru kompla jsostni dwar il-waqfien permanenti mill-ġlied mill-aktar fis possibbli.
Il-Prim Ministru Malti appella għal pożizzjoni iktar b’saħħitha mill-Unjoni Ewropea dwar dan biex tibqa’ t-tarka tad-drittijiet umani u toffri raġġ ta’ tama lil dawk milquta.
“Dwar il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna ħadna pożizzjoni ċara u hemmhekk meta tagħti pożizzjoni ċara qed tagħti sens ta’ leadership. Meta qed nitkellmu dwar il-Lvant Nofsani, ma ħadniex deċiżjoni u allura ngħid li ninsab diżappuntat. Però bħala pajjiż, minkejja ċ-ċokon tagħna se nibqgħu nagħmlu l-almu tagħna, se nibqgħu nibgħatu dan il-messaġġ konsistenti, two-state solution, twaqqif permanenti ta’ ġlied, li tiġi indirizzata bis-serjetà l-kwistjoni umanitarja, partikolarment fejn jidħlu l-ostaġġi u dik kienet, għadha u tibqa’ u tibqa’ l-pożizzjoni tagħna. Anki meta ma kien hemm l-ebda pajjiż li ma kien qed jitkellem fuq hekk. Aħna konna konsistenti u se nibqgħu vuċi konsistenti.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll is-settur tal-agrikoltura, hekk kif Brussell u anki bliet oħra Ewropej bħalissa għaddejjin protesti dwar regoli Ewropej f’dan il-qasam.