Front Ħarsien ODZ qalu li l-aħbar li se jsir referendum daqshekk mgħaġġel fis-Sannat iqajjem suspetti dwar il-leġittimità tiegħu.
Sostnew li referendum normalment ikun imħabbar xhur qabel, biex in-nies jilħqu jiddibattu kif inhu xieraq. F’dan il-każ, ir-referendum dwar żvilupp f’Ta’ Ċenċ tħabbar biss ħamest’ijiem qabel. Jemmnu wkoll li l-kwistjoni li għandha tiġi diskussa mhux qed tkun komunikata kif suppost, għaliex mhux jissemmew il-ħmistax-il villa li jagħmlu parti mill-proġett li r-residenti tas-Sannat qed jikkonsultaw dwaru.
Id-deċiżjoni li jsir referendum konsultattiv is-Sibt li ġej, dwar proposta ta’ żvilupp mill-privat f’Ta’ Ċenċ, ittieħdet mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat. Il-proposta tinkludi żvilupp ta’ heritage park u lukanda. L-Awtorità tal-Ippjanar mistennija tiddeċiedi dwar din il-proposta fix-xhur li ġejjin.
Ir-referendum se jsir bejn is-7am u s-7pm, fis-sala tal-uffiċċju tal-Kunsill.
Ritratt: Leslie Vella