Il-vot ħieles li qal li se jagħti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF jaf ikun free vote taparsi.
Il-gazzetta KullĦadd irrapportat li hija mgħarrfa li minkejja d-diskussjoni taħraq li kien hemm dwar is-suġġett fl-eżekuttiv u l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, dawk li huma favur il-bidliet qed jibdew jibżgħu jesprimu ruħhom pubblikament.
Quddiem il-pressjoni li qiegħda ssir mill-forza konservattiva tal-Partit Nazzjonalista u l-kampanja li qabdu gruppi stabbiliti li ilhom jeżistu snin, dawk li fl-eżekuttiv tkellmu b’mod voċiferu qed joqogħdu lura ħafna pubblikament.Fil-fatt, sa issa ma kien hemm ħadd mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li pubblikament qal ċar u tond li se jappoġġja l-emendi. Dan minkejja li f’Diċembru li għadda kien hemm tmien deputati li b’mod pubbliku u saħansitra fil-Parlament urew li ma jaqblux mal-pożizzjoni ta’ Adrian Delia dwar kif ried ineħħi 100 siegħa leave lil dawk li jmorru jagħmlu IVF barra minn Malta.
Ilbieraħ Adrian Delia kompla jurihom li l-free vote mhu se jkun free vote xejn għax iddikjara ma’ The Malta Independent li l-Partit Nazzjonalista se jħabbar pożizzjoni uffiċjali.
Xi ħaġa li tkompli taqtgħalhom qalbhom għax jidhru li qed imorru kontra l-linja tal-partit. Xi ħaġa li hemm min ma jridx jirriskja l-iktar għax jista’ jkun li fost il-partitarji Nazzjonalisti hemm iktar li huma kontra l-emendi milli favur. Saħansitra bdiet tqum l-idea li bħal fil-kwistjoni tal-Unjoni Ċivili l-Partit Nazzjonalista jastjeni peress li hemm min għandu opinjonijiet imħallta dwar l-istess liġi. Iżda, din hi xi ħaġa li diffiċli ħafna ssir għaliex kulħadd jiftakar li dak kien wieħed mill-ikbar żbalji strateġiċi ta’ Simon Busuttil kemm dam kap tal-oppożizzjoni hekk kif l-agħar ħaġa hi meta turi li m’għandekx pożizzjoni.
Intant, l-emendi proposti kienu diskussi fit-tul fil-Grupp Parlamentari Laburista u għandhom l-appoġġ unanimu tal-Grupp Laburista fil-Parlament.