Taħt sigurtà stretta, illum il-Franċiżi joħoġu jivvutaw fl-elezzjoni Presidenzjali tal-pajjiż.
Elezzjoni li qed issegwi attakk terroristiku fil-kapitali Franċiża tlett’ijiem ilu.
Mal-ħamsin elf uffiċjal tal-Pulizija u sebat’elef suldat jinsabu madwar il-pajjiż biex jassiguraw l-ogħla sigurtà.
Huma ħdax –il kandidat li qed jaspiraw li jkunu fit-tmun tal-pajjiż, u kollha għandhom il-mod uniku tagħhom kif qed jipproponu li jmexxu l-politika ta’ pajjiżhom.
Dan b’mod partikolari dwar is-sigurtà, l-immigrazzjoni, l-ekonomija u l-identità Franċiża.
Jekk ħadd minnhom ma jġib il-maġġoranza ta’ ħamsin fil-mija tal-voti, iż-żewġ kandidati li jġibu l-aktar voti jerġgħu jkunu l-protagonisti f’elezzjoni li ssir ħmistax oħra.
L-aktar erba’ kandidati preferuti, anki skont sondaġġi li saru matul l-aħħar ġimgħat, huma Francois Fillon, Emmanuel Macron, Jean-Luc Melenchon u Marine Le Pen.
Intant il-votazzjoni bdiet fit-tmienja ta’ filgħodu u tibqa’ għaddejja sat-tmienja tal-lejla; bl-għadd tal-voti jibda immedjatament wara.