Għadd ta’ aġenziji tal-aħbarijiet qegħdin jirrapportaw l-eżitu tal-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li għamlet il-blogger Daphne Caruana Galizia dwar il-kumpanija Egrant. Inkjesta ta’ aktar minn 1,500 paġna li sabet li mart il-Prim Ministru Michelle Muscat ma kellha ebda ishma fil-kumpanija Egrant hekk kif allegat għal xhur sħaħ mill-blogger u mill-Partit Nazzjonalista.
B’mod partikolari l-aġenzija tal-aħbarijiet ANSA irrapportat bi prominenza kbira l-fatt li l-inkjesta sabet li d-dokumenti li Pierre Portelli ressaq quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja kienu ffalsifikati. Fil-fatt l-inkjesta sabet li l-famużi declarations of trust li suppost kienu ta’ mart il-Prim Ministru ġew iffalsifikati. Dan irriżulta minn analiżi li għamlu għal darba darbtejn esperti forensiċi barranin ta’ fama internazzjonali.
Ir-rapporti fil-midja internazzjonali jikkwotaw partijiet estensivi mill-inkjesta li xehdu fiha kważi 500 mitt persuna. Jirreferu għal-laqgħat li Caruana Galizia kellha mar-Russa Maria Efimova li stqarret magħha li d-dokumenti kienu juru li l-kumpanija kienet ta’ Michelle Muscat.
Madankollu, il-Maġistrat kkonkluda li x-xhieda kemm ta’ Caruana Galizia u kemm ta’ Efimova huma “totalment kontradittorji” u li l-firem fuq id-dokumenti li ġew analizzati mill-kumpanija indipendeti Ingliża Forensic Document Analysts Keyforensic Services Ltd kienu ffalsifikati.
Jingħad ukoll li l-inkjesta ġabret informazzjoni mill-Panama, mill-Belġju, l-Emirati Għarab Magħquda, mill-Ġermanja u mill-Amerika. Apparti dan saru laqgħat twal ma’ analisti tekniċi u legali biex janalizzaw l-allegazzjonjiet li issa rriżultaw kollha li huma ffabbrikati.
Ir-rapporti jikkwotaw ukoll l-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li ddikjara li l-ebda akkuża li saret kontra tiegħu, ta’ martu jew ta’ qrabatu ma rriżultaw u kienu biss frott kalunja, l-akbar gidba fl-istorja politika tal-pajjiż li mhux biss ġiet ikkonfermata iżda saħanitra ċċertifikata.