Il-kumpanija Maltija li tipproduċi prodotti tal-ikel u x-xorb Foster Clark, se tkun qed tespandi l-attività kummerċjali tagħha fil-pajjiżi tal-Golf. Dan ħareġ fi żjara li għamel il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo.
Huwa faħħar l-isforzi li l-kumpaniji bbażati f’Malta qed jagħmlu sabiex jaċċessaw swieq internazzjonali kbar, bħal dawk f’pajjiżi fir-reġjun tal-Golf.
Foster Clark Products Ltd, flimkien ma’ kumpaniji oħra Maltin ħadet sehem b’mod regolari f’Gulfood, l-akbar fiera fid-dinja tal-ikel u xorb li ssir kull sena f’Dubaj. Hija tikkompeti mal-aqwa prodotti tal-ikel madwar id-dinja u tesporta l-prodotti tagħha f’tlieta u erbgħin pajjiż fl-Afrika u ħmistax-il pajjiż fil-Lvant Nofsani. Fil-fatt l-esportazzjoni totali tagħha hija mifruxa f’aktar minn disgħin pajjiż madwar id-dinja.
Il-Ministru Evarist Bartolo faħħar il-mod kif kumpaniji Maltin jieħdu inizjattivi biex ikabbru l-attività kummerċjali tagħhom fil-Golf u pajjiżi oħra, u li jkunu ta’ eżempju. Sostna li dawn il-kumpaniji għandhom jingħataw l-appoġġ.
Il-Ministru Bartolo tenna li mill-iskambji li jkollu, il-pajjiżi tal-Golf dejjem jesprimu x-xewqa li jixtiequ jaraw aktar preżenza u impenn fir-reġjun, mill-Unjoni Ewropea.
Tenna li Malta bħalissa trid iżżid il-ħidma tagħha, partikolarment wara d-Dikjarazzjoni ta’ Al Ula aktar kmieni din is-sena, li wittiet it-triq għar-rikonċiljazzjoni u naqqset it-tensjonijiet fost il-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf.
Ritratti: MFEA