45 fizzjal mill-Forzi Armati ta’ Malta ngħataw iċ-ċertifikat tal-kummissjoni tal-fizzjali mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u l-Kap Kmandant Brigadier Jeffrey Curmi fil-Palazz ta’ San Anton.
Il-President, filwaqt li indirizzat lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta qalet li hi tħares lejn l-uffiċjal tal-Armata bħala mudell, li jrid jagħti eżempju, ħalli l-poplu jimxi warajh. “Inħoss li hemm responsabbiltà kbira fuq il-membri u l-uffiċjali tal-Forzi Armati li jagħtu eżempju u li jgħinu biex tinbena kultura ta’ paċi pożittiva,” stqarret il-President Coleiro Preca.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela fil-kelmtejn tal-okkażjoni tkellem fuq il-prestiġju ta’ dan l-unur, l-importanza ta’ tmexxija b’għaqal u r-responsabbiltà għal servizz b’lealtà lejn il-pajjiż.
“Kunu kburin bl-uniformi li tilbsu iżda tridu tkunu ta’ eżempju lejn it-truppi li ser tmexxu. Dan mhuwiex xogħol kwalunkwe iżda missjoni speċifika lejn in-nazzjon”, appellalhom il-Ministru Abela.
Il-Ministru Abela saħaq kif fl-aħħar 4 snin, il-Gvern emmen bla waqfien fil-ħiliet tas-suldati Maltin u investa bla waqfien fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom.
Il-Kap Kmandant Brigadier Jeffrey Curmi irrimarka lil dawn il-fizzjali fuq l-importanza ta’ din iċ-ċerimonja meta hija rarità li wieħed jingħata l-unur mill-President meta jkun tela’ pass ieħor fil-karriera tiegħu. Fakkarhom fil-missjoni tal-Armata “servi u mexxi”. Bi stil ta’ tmexxija li jridu jħaddnu jkun wieħed eżemplari fejn dak li jridu li jagħmlu ta’ taħthom jagħmluh huma. Semmilhom il-frażi ‘to be a soldier is to be a gentleman’.
Dan il-grupp ta’ uffiċjali, kompost minn 38 raġel u 7 nisa, irċieva dan l-unur prestiġjuż, wara li din it-tradizzjoni ġiet imnedija biss tliet snin ilu. Ħafna minn dawn il-fizzjali diġà temmew, jew waslu fil-finali ta’ taħriġ intensiv ta’ madwar sena u nofs, f’akkademji professjonali militari barranin, bħal fl-Irlanda u l-Ingilterra, fejn hemm żviluppaw ħiliet sodi kemm akkademiċi, militari u fit-tmexxija.