Ħames immigranti, erbgħa mill-Guinea u wieħed mill-Kosta tal-Ivorju, ġew arrestati wara li allegatament ħatfu l-bastiment Elhibru wieħed waqt li kien fi triqtu lejn il-Libja.
Il-bastiment ġie skortat lejn pajjiżna mill-Forzi Armati ta’ Malta b’mija u tmien immigrant abbord.
Kien fil-jum tal-Erbgħa li grupp ta’ immigranti ġew salvati minn dan il-bastiment b’ibħra Libjani sitt mili ‘l bogħod mill-kosta Libjana. Malli dawn l-immigranti ntebħu li l-bastiment kien se jeħodhom lura lejn il-Libja, allegatament dawn ħadu kontroll tal-vapur u ġiegħlu lill-kaptan idawwar ir-rotta lejn l-Ewropa.
Kien fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu li l-Armata Maltija ħadet kontroll tal-bastiment wara li kkonfermaw li l-kaptan u l-ekwipaġġ ma’ kinux fil-kontroll tal-vapur.
F’ibħra internazzjonali, tim speċjalizzat ta’ suldati mill-Ispecial Operations Unit tal-Forzi Armati avviċinaw it-tanker permezz tal-patrol boat P fifty-one, żewġ dinghys u ħelikopter. Uħud minn dawn is-suldati telgħu abbord il-vapur maħtuf u fi ftit ħin ħadu kontroll tas-sitwazzjoni.
Il-bastiment ddaħħal f’Boiler Wharf fl-Isla għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu. B’kollox kien hemm sebgħa u sebgħin raġel, dsatax-il mara u tnax-il tifel u tifla.
Fuq il-post dehret il-preżenza ta’ għadd ta’ uffiċjali mill-korpi dixxiplinati, fosthom il-Pulizija mmexxija mill-Kummissarju Lawrence Cutajar, il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
L-ewwel li bdew jitniżżlu kienu t-tfal u n-nisa b’bikja ta’ tarbija kissret is-silenzju.
Mara b’sebgħa xhur tqala flimkien mat-tarbija tagħha ittieħdu l-isptar għall-osservazzjoni.
L-Irġiel tniżżlu ftit wara, b’uħud minnhom jidhru jbusu l-art hekk kif rifsu f’pajjiżna. Dawk kollha li kienu abbord setgħu jintlemħu neżlin minn fuq il-bastiment mgħakusin bl-għajja u ħafjin, b’uħud minnhom bil-kemm jifilħu jimxu.
Il-persuni allegatament risponsabbli għall-ħtif tniżżlu separatament u iktar tard ġew arrestati.
Fuq il-post dehru wkoll uffiċjali mill-bastiment MV Lifeline.
ONE News jinsab informat li wħud mill-immigranti qegħdin jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha waqt li oħrajn ittieħdu fiċ-Ċentru tal-Immigranti l-Marsa fejn bdew jiġu eżaminati.
L-investigazzjoni tal-Pulizija mistennija tistabbilixxi d-dinamika ta’ kif l-immigranti abbord ħatfu l-vapur waqt li kien fi triqtu lejn il-Libja.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella.
Dwar il-każ ikkumenta l-Prim Ministru Joseph Muscat fejn fi tweet qal kif Malta ma tfarfarx ir-responsabbiltà minkejja ċ-ċokon tagħha. Tenna li pajjiżna qed jimxi mar-regoli internazzjonali.