Il-Forum Ilkoll Indaqs fi ħdan il-Partit Laburista jilqa’ b’sodisfazzjoni l-inizjattiva tal-Gvern li se twassal biex isir screening bikri fuq it-tfal kollha bil-għan li jiġu identifikati problemi intellettwali u fiżiċi.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li inizjattiva bħal din hija meqjusa bħala waħda importanti biex sa minn età żgħira jittieħdu dawk l-inizjattivi meħtieġa biex it-tfal kollha kemm huma jkollhom l-istess opportunità biex jimxu ‘l quddiem.
L-ikbar saħħa ta’ din l-inizjattiva ġejja mill-fatt li se tkun hemm għat-tfal kollha.
L-istqarrija żżid tgħid kif l-istess forum jinnota b’dispjaċir ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li ma fehemx l-inizjattiva u qed imur kontra l-prinċipju tal-inklussività għaliex spiċċa rabatha biss mal-persuni b’diżabbiltà. Agħar minn hekk il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija b’terminoloġija li tmur kontra l-konvenzjoni għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbilità. Din turi kemm il-Partit fl-Oppożizzjoni mhux aġġornat f’dan is-settur.
Fl-istqarrija tiegħu l-Partit Nazzjonalista rrefera għal persuni b’diżabbilità bħala persuni bi bżonnijiet speċjali. Terminu li suppost ilu ma jintuża għal snin. Huwa mistenni li l-Partit tal-Oppożizzjoni jkun konxju ta’ affarijiet bażiċi bħal dawn u għalhekk imexxi bl-eżempju. Ladarba lanqas din ma ġab tajba wieħed jista’ jobsor kemm jista’ jġib tajba l-politika dwar is-settur.
L-istrateġija ta’ screening għat-tfal li tħabbret mill-Gvern se ssir għat-tfal kollha sabiex min età bikrija jiġu identifikati sfidi fiżiċi, intellettwali u psikosoċjali.
Il-policy forum Ilkoll Indaqs laqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ dan il-qafas għaliex se jgħin biex nifhmu r-realtà tal-individwi sa minn stadju bikri biex b’hekk jitfasslu policies, strateġiji u programmi li jgħinu biex ilkoll inkunu ndaqs.