Il-forum ġid li jasal għand kulħadd u li jagħmel parti minn eżerċizzju wiesa’ ta’ konsultazzjoni mill-Partit Laburista, il-Ħamis filgħodu ltaqa’ mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm fost oħrajn il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli flimkien maċ-Chairperson ta’ dan il-Forum Politiku, is-Sur Steve Ellul.
F’diskussjoni twila, Dalli spjegat kif bħalissa l-Partit Laburista permezz ta’ 10 fora politiċi differenti, taħt il-kappa tal-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni bl-isem 100 Idea – qed jiltaqa’ u jiġbor l-ideat kollha sabiex iwitti t-triq għall-politika tiegħu għall-ġejjieni.
Dr. Dalli saħqet kif dan l-eżerċizzju ser jassigura wkoll li l-Partit Laburista jkun konxju tar-realtajiet hemm barra u b’hekk iżomm kuntatt importanti mal-poplu Malti u Għawdxi.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Steve Ellul li jieħu ħsieb dan il-Forum u li fost oħrajn jittratta s-settur ekonomiku tkellem ma’ ONE News dwar l-eżitu ta’ din il-laqgħa produttiva.
Huwa qal: “Dawn huma n-nies li qegħdin on the ground. Jafu mhux biss x’inhuma l-problemi on the ground imma wkoll is-soluzzjonijiet on the ground u allura dan għalina huwa importanti ħafna għaliex qed naħsbu f’ekonomija li tikber u li tkabbar magħha l-prosperità għall-pajjiż kollu.”
Spjega kif ġew esplorati diversi niċċeċ għal żvilupp ekonomiku sostenibbli fosthom qafas li jkabbar is-settur diġitali.
Is-Sur Ellul kompla jispjega: “Qed naħsbu wkoll fuq qafas u llum kellna wkoll diskussjoni interessanti ħafna fuq kif nistgħu nkabbru s-settur tad-diġitalizzazzjoni ġewwa pajjiżna f’setturi differenti u kif it-tkabbir ekonomiku fil-futur ikun wieħed aktar sostenibbli b’impatt ambjentali aktar pożittiv.”