Il-Fortina qattgħet il-karti minn mal-kumpanija ta’ kostruzzjoni Torka, Taca wara li fallew it-taħdidiet dwar il-proġett tal-iżvilupp f’Tignè.
Fl-aħħar ġimgħat kien hemm taħdidiet twal dwar ix-xogħlijiet f’dan il-proġett hekk kif il-ħaddiema waqfu jaħdmu u anke għamlu strajk tal-ġuħ wara li kien hemm kwistjonijiet dwar ħlasijiet tal-pagi tagħhom.
Il-Fortina dejjem saħqet li hija l-kumpanija tal-kostruzzjoni li trid tonora u tieħu ħsieb li tħallas il-ħaddiema tagħha.
Dawn il-ħaddiema qalu li ilhom mal-ħames xhur ma jirċievu paga.
Fil-fatt stqarrija, il-Fortina saħqet li jiddispjaċiha u tempatizza mal-ħaddiema Torok fuq is-sitwazzjoni.
“Aħna mhux biss għamilna dak li stajna biex nonoraw l-obbligi finanzjarji imma ħallasna iżjed biex niffaċilitaw l-affarijiet”, saħqet il-Fortina.
Din spjegat li b’sens ta’ rieda tajba baqgħet għaddejja bit-taħdidiet anki wara li fit-3 ta’ Ġunju ħarġet notifika li se jiġi tterminat il-kuntratt.
Il-Fortina qalet ukoll li se żżomm responsabbli l-kumpanija ta’ kostruzzjoni Torka għad-danni tax-xogħlijiet li waqgħu lura.
Saħqet li se tibqa’ impenjata biex tlesti l-proġett, b’kuntrattur ieħor.