L-awtoritajiet fl-Awstralja qed jinvestigaw il-formola tat-tennista Novak Djokovic biex daħal fil-pajjiż, wara tħassib li l-istess formola seta’ kellha dikjarazzjoni falza.
Il-viża ta’ Djokovic ġiet revokata mal-wasla tiegħu f’Melbourne l-ġimgħa l-oħra qabel ma reġgħet ingħatatlu minn Imħallef ilbieraħ.
Madanakollu, il-Ministru tal-Immigrazzjoni fl-Awstralja xorta għandu l-poter li jħassar il-viża u jiddeporta lill-plejer li mhux vaċċinat mill-pajjiż.
Djokovic, li qed jittama li jikkompeti fit-turnew Australian Open il-ġimgħa d-dieħla, ma kkummentax fuq dawn l-aħħar rapporti.
Fil-formola tad-dħul tiegħu kien hemm miktub li ma vjaġġax fl-erbatax-il jum qabel il-wasla tiegħu fl-Awstralja fis-sitta ta’ Jannar, iżda ritratti fuq il-midja soċjali juru lit-tennista fis-Serbja u Spanja f’dak il-perjodu.