Spazju innovattiv imfassal biex jgħin lil min jagħmel l-ikel, il-bdiewa u l-intraprendituri lokali. Hekk jista’ jiġi deskritt l-Food Innovation Hub, ċentru li se jkun tal-ewwel xorta tiegħu f’pajjiżna, b’investiment ta’ madwar ħdax-il miljun ewro, b’nofsu ko-finanzjat minn skema tal-Unjoni Ewropea.
Proprju dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, Brian Vella, li sostna l-għan ewlieni ta’ dan il-hub.
Qal, “Qed inġibu dawk kollha produtturi lokali li sal-lum forsi m’għandhomx fejn jipproduċu, anke dak l-ikel li qed jipproduċu biex jiġu hemmhekk u jkunu jistgħu jagħmlu dan il-prodott, ifittxu u jagħmlu riċerka anke x’tip ta’ konsumatur qed ifittex hemm barra.”
B’hekk, dan il-hub se jgħin lill-bdiewa ġodda biex jesperimentaw u jagħmlu prodotti tal-ikel lokali. Għal dan il-għan, il-hub se jkun mgħammar b’tagħmir avvanzat u kċejjen li jimmaniġġjaw firxa wiesgħa ta’ prodotti.
Minbarra hekk, il-Food Innovation Hub hu impenjat li jmexxi trasformazzjoni sostenibbli fis-settur tal-agrikoltura, b’enfażi partikolari fuq it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel.
Qal, “Jekk għandna prodott li għandna ħafna minnu, flok illum ma jkunx hemm bejgħ tiegħu, flok illum jintrema, jista’ jmur fl-Innovation Hub u jinħareġ prodott minnu. Sal-lum, f’Malta m’għandniex post fejn il-prodott jiġi żviluppat u noħorġu valur minnu. Dan se jkun ċentru li l-bidwi se jkun jista’ jmur bl-ikel tiegħu biex ikun jista’ jagħmel ir-rinnovazzjoni li hemm bżonn biex joħroġ għand il-konsumatur.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Ikel qal li l-hub se joffri programmi ta’ appoġġ imfasslin għal negozji żgħar, inkluż mentoring minn esperti tal-industrija. Dawn in-negozji, imbagħad, se jingħaqdu ma’ kumpaniji ta’ riċerka biex ikollhom opportunitajiet uniċi ta’ kollaborazzjoni.
Qal, “Ix-xogħol fuq l-Innovation Hub beda. Ovvjament għamilna l-pjanti, applikajna għal permessi, qegħdin fil-proċess ta’ procurement naħdmu biex joħroġ it-tenders neċessarji wkoll biex dan il-proġett tal-agrikoltura nkunu nistgħu intellquh.”