Dan wara li għall-ħames darba, il-Gvern kien ta’ spalla għal għaqdiet mużikali biex ikomplu jinvestu fis-soċjetajiet tagħhom fi żmien ta’ inċertezza.
Permezz ta’ dan l-investiment, diversi għaqdiet mużikali applikaw biex fost l-oħrajn isir restawr fis-sede tagħhom u jinxtara armar li jżejjen it-toroq fil-ġimgħa tal-festa.
John Baptist Gauci, is-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Mużikali Imperial spjega li b’dawn il-fondi, seta’ jsir aktar investiment fil-każin.
Qal, “Li nkunu nistgħu ninvestu fir-riżorsi umani, għax meta jkunu qed jagħmlu xogħol b’mod volontarju, dejjem tkun ta’ għajnuna. Ix-xogħol isir volontarjament iżda l-ispejjeż għall-materja huma għoljin u għalhekk dawn il-fondi jgħinuna ħafna.”
Theresa Micallef li hija s-Segretarju tal-Każin tal-Banda San Giljan stqarret li permezz ta’ dawn il-fondi, il-Gvern qed jirrikonoxxi l-isfid kbar li jkollhom il-każini.
Spjegat, “Aħna fi żmien ta’ pandemija, għamilna refurbishment, jiġifieri kull għajnuna kienet importanti ħafna. Ħassejna dan is-sostenn anke f’dawn iż-żminijiet li b’xi mod jew ieħor ġew il-fondi biex nibqgħu għaddejjin.”
It-tnejn spjegaw li mingħajr fondi bħal dawn tkun diffiċli ħafna biex isir investiment fil-proprjetajiet rispettivi.
Qal, “L-ispejjeż kurrenti, bħall-kontijiet tal-internet u tal-Wi-Fi, u affarijiet relatati max-xiri ta’ tagħmir biex inkunu nistgħu niftħu l-każini, inklużi sanitizers u bħal dawn, jistgħu jkunu possibbli. Allura naqsulna ħanfa l-piż li kien ikollna fuqna.”
Micallef spjegat, “Bħala każin, bqajna nappoġġjaw it-tagħlim tal-mużika, bdejna banda taż-żgħażagħ. Dan kollu f’dawn iż-żminijiet kollha b’fondi mill-Gvern u ta’ għajnuna kbira biex inkomplu nibqgħu għaddejjin fil-kultura tagħna.”