Il-Kamra tal-Kummerċ kellha reazzjoni pożiżittiva għall-kisba tal-akbar pakkett ta’ fondi li gvern Malti qatt innegozja mal-Unjoni Ewropea: dak ta’ €2.2 biljun.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, qalet lil One News li, bla dubju, dawn il-fondi li ġew innegozjati b’suċċess se jgħinu biex il-pajjiż ikompli javvanza.
Qalet, “Ovvjament, il-fondi Ewropej se jkomplu jgħinu biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem.”
Marthese Portelli qalet li l-Kamra tal-Kummerċ tat l-ideat tagħha dwar il-prjoritajiet tal-pajjiż u dwar fejn għandhom jintużaw dawn il-fondi. Barra minn hekk, il-Kamra kellha wkoll l-opportunità li tressaq għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern proposti dwar kif wieħed jista’ jtejjeb u jiffaċilita l-proċess meta s-settur privat japplika għal fondi Ewropej.
Hija semmiet ukoll l-importanza ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku li tkun trasparenti anki għal proġetti li għalihom ikunu se jintużaw il-fondi Ewropej. Qalet ukoll li għandu jkun hemm skrutinju kontinwu biex inżommu mal-iskadenzi u wkoll biex naraw li l-investiment irodd lura dak mistenni minnu.
Hija esprimiet ukoll sodisfazzjon fuq l-importanza li qed tingħata lid-diġitalizzazzjoni tan-negozju f’pajjiżna.
Qalet, “Allura, importanti ħafna li mmexxu biex in-negozju kollu kemm jista’ jkun jiddiġitalizza l-mod kif jaħdem u l-mod kif jinteraġixxi mal-konsumatur.”