Il-programmi operattivi tal-fondi Ewropej li tħabbru t-Tnejn, mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni Elisa Ferreira ġie deskritt minn sħab soċjali bħala wieħed li jagħti serħan il-moħħ lill-ħaddiema u n-negozji f’pajjiżna.
Dan il-pakkett ta’ fondi, li se jibqa’ għaddej sal-elfejn sebgħa u għoxrin, jammonta għal €2.2 biljun.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo, li qalet li dawn il-programmi operattivi ġew imnedija wara konsultazzjoni li saret bejn il-Gvern u l-isħab soċjali.
Mamo rrimarkat li l-isfidi internazzjonali ta’ bħalissa qed iwasslu l-ekonomija Maltija tkun aktar indipendenti u reżiljenti.
Qalet, “Jiġfieri qabel ma konniex naħsbu li, forsi, li wieħed jissorsja l-elettriku jew jikkrea l-elettriku kienet se tkun prijorità, imma llum il-ġurnata nafu li hija prijorità li aħna jkollna ċerta indipendenza fejn jidħol l-ikel. Hija prijorità wkoll li nagħmlu upgrade fis-saħħa, hija prijorità. Ovvjament, dawn il-fondi se jkunu strumentali biex mhux biss Malta tkompli tagħmel dawn l-avvanzi, imma biex ikunu parteċipi wkoll in-negozji, jiġifieri li aħna se jkollna strateġija, bħala Malta, imma minn din l-istrateġija, in-negozji se jkunu parteċipi anki permezz tal-Fondi Ewropej.”
Ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, Abigail Mamo qalet li dawn il-fondi Ewropej se jwasslu għal qalba diġitali għan-negozji, wara ż-żmien tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna.
Qalet, “Dawn il-fondi se jkunu qed jagħtu serħan il-moħħ li wieħed jinvesti u jkompli miexi f’dik id-direzzjoni, avolja hawn dawn il-kumplessitajiet, għax se jkollhom is-sapport meħtieġ.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, qal ma’ ONE News li dan il-pakkett ta’ fondi Ewropej se jgħin biex itejjeb il-kwalità tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Qal, “Aħna l-aktar li nikkonċentraw fuq il-Fondi ta’ Koeżjoni, għax huma direttament fuq il-kwalità tal-ħaddiema, jiġifieri ħafna minnhom se jintefqu biex inżidu l-kompetenzi, l-abilitajiet, u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema, li awtomatikament allura, imbagħad, ikunu qed jagħmlu kwalità tal-ħajja aħjar.”
Dan l-akbar pakkett ta’ fondi għal pajjiżna ġie nnegozjat mill-gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela fis-sajf tal-2020. Dan il-pakkett huwa aktar mid-doppju ta’ kemm kien ġie nnegozjat minn gvern Nazzjonalista.